L-istorja ta’ Frans

Print Friendly, PDF & Email

Żmien ilu għaddejt sa ħdejh, għodu għodu. Frans! għedtlu. Għandi xi ngħidlek! It-ton ta’ kliemi qanqal fih interess mhux żgħir. Għidli Patri? weġibni minnufih. Frans! Agħtihom ċans! Għedtlu jien. Xi ħadd qallek xi ħaġa? wieġbu. Le ħabibi Frans! Erġajt weġibtu. Int agħtihom ċans! Tbissimna lil xulxin u rħejtilha għal għonq it-triq.

Għiduli ħbieb jekk l-istorja ta’ Frans hijiex verità tal-veritajiet! Min minna m’għandux bżonn tat-tieni ċans? Hawn xi buli jew bulija li jgħidu li f’ħajjithom ma kellhomx bżonnu dan it-tieni ċans? Ħbieb, dan il-fatt tant kemm hu minnu li m’hemm bżonn ħadd li jgħidilna xi ħaġa fuqu! Biżżejjed jekk nittawlu ftit, anki b’ħarsa ħafifa, u bis-serqa, lejn ħajjitna, biex naraw kemm dan tassew hu minnu!

Ilkoll għandna bżonnu t-tieni ċ-ċans! Għax ħadd minna għadu ma wasal! Ikoll għadna nitħabtu kemm nifilħu biex nidħlu mill-bieb id-dejjaq! U, dejjem safejn naf jien, biex nidħlu minn dan il-bieb irridu nirqaqu. Kif Patri? Nirqaq? Jien li tlift ħamsin kilo bid-dietà li qed nagħmel? U jien li tlift sittin? U jien li ma nafx kemm ilni noqgħod attenta u b’seba’ għajnejn biex dawn il-ġenbejn ma jitqabbżulix ‘il barra aktar? Iva! Int oħt! Int ħija! Int Patri Mario!

Il-verità hi li aħna ikoll għandna bżonn nirqaqu mhux biss minn ġisimna iżda ukoll minn moħħna. Hawn min qisu ballerin, Alla jbierek, jew manekina, mudella pura imma ħej moħħu u moħħha aqta’ kemm għandhom sonża! Dik is-sonża li ma tħalliniex inħossu għal xulxin. Li ma tħallinix nidħlu fiż-żarbuna ta’ ħaddieħor. U din is-sonża tafu minfejn tiġi?

Il-Mulej, bil-ktieb tal-ħajja, jgħallimni li din is-sonża tiġi meta noqgħod fuq l-għawi u l-ġenn ta’ min jgħir anki għal nemusa! Aħseb u ara jgħirx jekk lil mara kellimhielu dak jew lir-raġel kellmitiehlu dik! Din l-għira tiġi mill-Patri li għandu biċċa ta’ lanżita daqshiex għall-Patri ħuħ, jew għall-qassis sieħbu u, m’għandiex xi ngħidu, għal oħtha s-soru. Daqskemm m’għandhiex lanżita hi għal sħabha tax-xogħol jew għal dawk li, taparsi, ssejħilhom ħbieb tagħha. Li, fil-verità, qatt ma kienu! Daqskemm qalgħatilhom meta ġietha x-xoqqha f’moxxtha!

Frans! Tinsix tagħtihom it-tieni ċans! Le! Ħadd ma qalli xejn! Għax kulħadd jgħidli! Int ħares ftit lejn wiċċu u wiċċha! Iddispjaċieh! Iddispjaċieha! U issa ħa nibqgħu nżommu f’qalbna għalih u għaliha x’waħdadin? Ma nafx imma din il-qalb lanqas li kellha ma nafx kemm ‘il gig! Kemm tiflaħ iżżomm! Ma jasalx il-mument li din il-povra qalb tgħid, jew aħjar tgħajjat għajta kbira sakemm toħroġ ruħha:BIŻŻEJJED?!

Għax issa veru li żżejjed! Din il-kultura tal-giljottini, meta l-istess nies li jniżżluha fuq ħaddieħor ħaqqhom iniżżluha fuqhom stess għall-miljuni ta’ miljuni ta’ drabi, trid tieqaf minnufih! Minix ngħid li bniedem ma jiġix imwissi tafux! Jew titħalla tgħaffeġ fuq li tgħaffeġ u qisu m’hu qed jiġri xejn! Taf li m’aħniex ngħidu hekk! Mela tippruvax tqegħdli fuq fommi kliem li m’għedtux! Imma rrid ngħidlek għażiż u għażiża li l-giljottina ħallieha għall-karti u mhux biex tniżżilha fuq l-irjus tan-nies! Għax, bħalma tgħid Lailha Gifty Akita, li hija kittieba mill-aktar entużjasta u li tnissillek tabilħaqq ispirazzjoni, mill-Ghana, speċjalment lilkom għeżież żgħażagħ, Aħna ilkoll nagħmlu l-iżbalji. U kulħadd għandu jingħata t-tieni ċans.

Tajba Lailha! Mela qed tgħidli biex inkun FRANS! LI JAGĦTI DEJJEM IT-TIENI ĊANS! U, ngħid jien, jekk jien, u int bħali, it-tnejn gwappi għax midinbin u ngħafġu, bid-differenza li hawn min jgħaffeġ b’riħa tintenn u min b’riħa tfuħ taqsam jew tas-sopranatural, u t-tnejn nitolbu lill-Mulej biex jaħfrilna u jagħtina t-tieni ċans, aħna min aħna biex ma nagħtux it-tieni ċans lil min jonqosna? Lil min żbalja? Jew il-każ jaf ikun li jien tant kemm irrid nuri li jien buli u bulija li lil ħaddieħor nimxi miegħu u magħha bil-virga? U min hu tassew il-Kaptan tal-Virga? Żgur mhux bniedem ta’ din l-art! Huwiex ta’ Ċesari inkella ta’ Alla! Ħadd minna m’hu tal-virga! Għax ilkoll għandna bżonn il-ħniena tal-Missier tagħna tas-Sema!

Mela, jekk trid titgħallem l-alfabett tas-suċċess, jekk trid tkun kbir u kbira mhux għax tawk il-kariga imma għax taf tuża’ qalbek, jekk trid li jkollok imqabbdin miegħek il-ġwienaħ tat-tama u tibqa’ ittir għalkemm jisparawlek, agħti dejjem it-tieni ċans! Għax bniedem, meta tagħtih it-tieni ċans, jaf jaqleb kull m’hawn bil-ġid li l-Mulej jagħmel bih u biha! Araw x’ġaralu Sansun wara li dineb u l-Mulej, minflok li qatagħlu rasu bil-giljottina, tah it-tieni ċans! U Sansun sejjaħ il-Mulej u qal: “Mulej, Sidi, ftakar fija! Agħtini l-forza, imqar għal din id-darba, o Alla, u f’salt wieħed nitħallas taż-żewġ għajnejja mill-Filistin.” U Sansun qabad iż-żewġ plieri tan-nofs, li fuqhom kienet mibnija d-dar, u twieżen fuqhom, fuq waħda bil-lemin u fuq l-oħra bix-xellug. U Sansun għajjat: “Ħa mmut jien mal-Filistin.” U Sansun miel ’il quddiem fuqhom b’saħħtu kollha u ġġarrfet id-dar fuq il-kapijiet u fuq il-poplu kollu li kien hemm fiha. U l-għadd tal-mejtin, li qatel f’mewtu, kien akbar minn kemm kien qatel f’ħajtu (Mħal 16:28-20).

Toqgħodx fuq li jsefsulek dawk tal-moħba! Ftakar fit-taqbila tal-Ispirtu s-Santu: FRANS! AGĦTIHOM IT-TIENI ĊANS!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d