F’ras il-għajn

Print Friendly, PDF & Email

Il-ħajja tagħlima ħbieb minn filgħodu sa’ filgħaxija. Mill-A saż-Żeta. Għax il-ħajja ma tistax ma tkunx tagħlima jekk kwiet li hu kwiet f’ġisimha m’għandhiex!

Kemm hi mqarrba hux! Issa, jekk Alla li jista’ kollox, f’Ġesù Kristu Ibnu, qalilna: Jiena hu … l-ħajja (Ġw 14:6) kif seta’ joqgħod ċiċċi beqqi hemm fuq? Hemm arah kif spara l’isfel! Għax kwiet f’ġismu m’għandux! Għax iħobb jaf u mhux jippriedka! Ixammar idu jaf u mhux isib kollox lest! Kemm hu mqareb! Imqareb tal-imqarrbin! Għax jitqarreb u mhux jitbiegħed minn nies biex imur taparsi jitlob u joqgħod jaħli l-ħin u jgħix ta’ parassita minn fuq dahar ħaddieħor! Intant …

U dan Alla, li hu l-ħajja, l-Imqareb tal-imqarbin, għax dejjem moħħu kif ħa jitqarreb lejna, fettillu jagħmilli waħda. Qabadli widnejja u ġebbidhomli aktar milli huma! Għajnejja tawwalhomli! U, fuq kollox, ‘l qalbi fetaħhieli beraħ! Minħabba li dejjem jgħallimni li għandi nirgħa l-poplu tiegħu fuq saqajja billi niġri u ndur man-nies u żgur li qatt, qatt u qatt ma jridni imsakkar fil-kamra tal-kunvent inkella f’dik tal-isptar! Moħħu biex ilaqqagħni ma’ biżibilju nies kulfejn immur, jien, il-boċċu tiegħu!

Għalhekk, f’dawn il-mawriet li joħodni ‘l Mulej, hux barra t-triq fuq il-bankina, f’xi kuritur jew f’xi sala, dejjem niltaqa’ ma’ nies imweġġgħin. Patri, m’aħniex apprezzati aħna! Din tkun l-għajta. Isma’ minn hawn u isma’ minn hemm fl-aħħar l-Imgħallem beda jġibni f’tiegħi. Kollox sew! Dawn l-aħwa m’humiex apprezzati. Huma jafu l-istorja tagħhom. Issa jien, miċ-ċokon tiegħi, x’nista’ nagħmlilhom? L-Imgħallem urieni ħaġa sempliċi ħafna imma li żgur tagħmel id-differenza.

Il-jum ta’ qabel, filgħaxija, wara jum xogħol issemmix fl-isptar, ġiet koppja tqerr. U, wara xi siegħa u nofs, tawni r-rigal tal-Milied. Kaxxa ċikkulatini minn dawk li nafu bihom insomma. Xejn speċjali tafux! Meta kont fil-kwiet, l-Imqareb tal-imqarbin qalli f’widinti: U int għax ma tagħmilx biċċa xogħol? Ħu din il-kaxxa u ikteb fuqha: ‘Il-ħelu ta’ dawk li m’humiex apprezzati!! Għalhekk, wieħed li naf, meta għedtlu bl-idea, tant kemm għoġbietu li għamilli t-tabella tal-kaxxa! Mhux biss imma spiċċa din il-frażi b’żewġ esklamazzjonijiet! Ta’ Dak li hu Alla u Bniedem! Ġesù! Il-Ħelu li l-aktar wieħed li mhux apprezzat!

Għalhekk, bdejt indur ma’ dawk li m’humiex apprezzati. Nuriehom it-tabella tal-kaxxa u jagħżlu huma ċ-ċikkulatina! Ħabba d-distanza soċjali! Ħafna ferħu! Oħrajn baqgħu siekta! U oħrajn intefgħu f’dinja ta’ ħsieb!

L-Imgħallem għallimni li att ċkejken ta’ solidarjetà jitħaddet bl-eluf! Għax ma nagħmlux xi ħaġa hekk fis-sena 2021 li għadna kemm bdejna?

Is-Sena t-Tajba!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d