Il-Mulej jeħlisna mill-ħakma tax-xitan u mid-dnub personali tagħna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 12 ta’ Jannar 2021: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-ewwel kapitlu ta’ San Mark tibda u tispiċċa b’kelma importanti. Tippreżenta lil Ġesù bħala wieħed li għandu s-setgħa. In-nies stess, wara li jaraw lil dak ir-raġel meħlus mix-xitan, jgħidu: “X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa” (Mk 1:27).

Il-kelma ‘setgħa’ bil-Grieg li nkiteb bih l-Evanġelju, hija magħmula minn żewġ partijiet, għandha għerq b’żewġ partijiet. Il-kelma hija egzuzija. Tgħiduli biex ġej illum? Imma uzija hija l-jien tal-persuna u allura l-qawwa tiġi minn min inti. In-nies ta’ żmienu raw f’Ġesù xi ħadd li jitkellem bil-qalb. Aħna meta xi ħadd jitkellem propju u juri min hu, jgħidu: ‘kemm jitkellem bil-qalb’. Din is-setgħa ta’ Ġesù turi tassew min hu, fejn qiegħda qalbu. Jista’ jkun li l-kittieba ma kinux qed jitkellmu minn qalbhom imma minn moħħhom. Il-Mulej jitkellem u jagħti l-ordnijiet bis-setgħa tiegħu li ġejja propju mill-fatt li huwa l-qaddis ta’ Alla.

F’dan l-Evanġelju għandna wkoll stqarrija importanti li jagħmilha x-xitan: “Int il-qaddis ta’ Alla. Jiena naf min int” (Mk 1:24). Għax ix-xitan jagħraf min hu Ġesù imma jagħmillu gwerra. Fil-fatt jammetti l-istess spirtu ħażin, li l-Mulej ġie biex jeqred is-saltna tal-ħażen, is-saltna tax-xitan. “Ġejt biex teqridna?” (Mk 1:24). Ir-risposta hija ċara: iva. Jien naf min int, il-qaddis ta’ Alla. U Ġesù juri s-setgħa tiegħu fuq il-ħażen, setgħa li għadda lill-Knisja tiegħu.

F’kull djoċesi l-isqof, li huwa r-ragħaj tal-poplu, għandu l-istess setgħa ta’ Ġesù fuq ix-xitan u l-ħażin u jiddelega saċerdoti, ngħidulhom eżorċisti, biex iħaddmu din is-setgħa li ġejja mis-setgħa li għandu l-isqof fuq id-djoċesi tiegħu. Kull isqof għad-djoċesi tiegħu, għandu s-setgħa kollha li Ġesù għandu fuq ix-xitan.

Dan huwa servizz li l-Knisja tgħix biex tkompli l-missjoni ta’ Ġesù li ma ġiex biss biex ifejjaq il-mard imma wkoll biex jeqred is-saltna ta’ Satana, is-saltna tax-xitan. Kif nagħarfuh x-xitan? Għax ix-xitan huwa anġlu intelliġenti imma supperv. L-ewwwl nett nagħrfuh meta jakkuża lil ħutna anke bi dnubiethom, ix-xitan jakkużak bi dnubietek mhux biex teħles minnhom imma biex ifarrkek u jkissrek. Neżaminaw lilna nfusna jekk aħna nagħmlux l-istess kultant. Jigifieri aħna nfakkru lil dak li jkun bi dnubietu biex ingaraw il-ġebel mhux biex ngħinuh jgħix ħajja aħjar.

Ix-xitan iġib il-firda. Fejn hemm il-firda hija frott ix-xitan. Fil-fatt titlu ieħor tax-xitan hija diabolos dak li jġib il-firda. Il-firda tiġi ħafna drabi frott l-għira, il-mibegħda u l-gideb. Dawn huma kollha frott tax-xitan. Ġesù lix-xitan isejjaħlu l-giddieb u l-qattiel anzi s-sultan tal-gideb. Aħna nipproteġu lilna nfusna jekk niggranfaw, nitħaddnu mal-verità li għallimna Ġesù. Imma rridu wkoll ikollna din it-tama u din il-fidi qawwija li Ġesù rebaħ fuq ix-xitan u l-mewt. Il-qawwa tiegħu: “Iskot u oħroġ minnu” (Mk 1:25) hija qawwa tassew. L-ispirtu fil-fatt ikollu jobdi lil Ġesù, iħabbat ħafna lil dan ir-raġel, li forsi minħabba li fetaħ xi tieqa fuq il-ħażen, spiċċa ppossedut mix-xitan imma fl-aħħar ix-xitan ikollu jobdi għall-kmand ta’ Ġesù, bħalma jkollu jobdi għall-kmand tal-Knisja.

Mhux kull kuntrarju jiġi mix-xitan, ħafna drabi jiġi mid-dnubiet tagħna stess biex ma nwaħħlux kollox fix-xitan għax ix-xitan veru kattiv imma mhux sew dejjem inwaħħlu dejjem fih. Ħafna drabi anke aħna bi dnubietna noħolqu ħafna għawġ, problemi, mard anke mentali għal xulxin.

Il-Mulej isalvana billi jeħlisna mhux biss mill-ħakma tax-xitan imma anke mid-dnub personali tagħna. Kultant inwaħħlu b’mod faċli fix-xitan jew naraw ix-xitan kullimkien. Mhux dak huwa li tgħallem il-Knisja. Ħafna drabi meta jkun hemm xi ħadd li għandu problemi ta’ saħħa mentali l-ewwel li wieħed irid jagħmel huwa jfittex espert, psikologu, psikjatra. Ħafna drabi ċertu nies anke jimmaġinaw affarijiet għax ikunu morda. U aħna rridu nagħdruhom u ngħinuhom. Imma meta jkun hemm qilla kbira kontra s-sinjali tal-Mulej, allura hemmhekk wieħed għandu għalfejn jinkwieta. Jinkwieta sa ċertu pont għax is-sinjal tas-salib huwa sinjal qawwi.

Il-Knisja tgħallem li kull Nisrani jista’ jipproteġi lilu nnifsu b’żewġ affarijiet qawwija ħafna. L-ewwel nett bil-ħajja tas-sagramenti: il-qrar u t-tqarbin. Imbagħad it-tieni billi jitlob it-talba tal-Missierna. It-talba tal-Missierna li tispiċċa: ‘eħlisna minn kull deni u eħlisna mill-ħażin’, hija fiha nfisha talba ta’ eżorċiżmu. U fuq kollox id-devozzjoni lejn il-Madonna u lejn il-qaddisin hija arma qawwija ħafna kontra l-attakki u l-assalti tax-xitan.

Qegħdin fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark u San Mark jidħol mal-ewwel f’dan il-konflitt, din il-gwerra bejn Ġesù u x-xitan. Aħna fil-Magħmudja għażilna lil Ġesù. Nitolbuh jgħinna dejjem biex din l-għażla li għamilna tkun għażla li nikkonfermaw kull jum ta’ ħajjitna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Lhud 2, 5-12
Salm: 8, 2a u 5.6-7.8-9
Evanġelju: Mk 1, 21b-28

Sors: www.knisja.mt

One thought on “Il-Mulej jeħlisna mill-ħakma tax-xitan u mid-dnub personali tagħna”

  1. Inkun qed nistenna nisma’ l-omelija tal-Arcisqof g]ax tkun interessanti u istruttiva ħafna. Id-dettalji li jgħid fuq kull ċirkustanza li jkun hemm u fuq il-Qaddis tal-jum ma tantx tismagħhom mingħand ħaddieħor.
    Grazzi lill-Arċisqof.

Leave a Reply