Lezzjoni II: Il-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes

Print Friendly, PDF & Email

11 ta’ Frar: IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TA’ LOURDES

TIFKIRA

Fl-1858 il-Verġni bla tebgħa Marija dehret lil Bernardette Soubirous fil-grotta ta’ Massabielle ħdejn Lourdes, fi Franza. Permezz ta’ din it-tfajla umli, Marija tistieden il-midinbin għall-indiema, u tqanqal fil-Knisja ħeġġa kbira għat-talb u l-imħabba; l-aktar bis-servizz mal-morda u l-foqra.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari minn Ittra ta’ Santa Marija Bernardette Soubirous, verġni

(Ep. ad P. Gondrand a. 1861)

Is-Sinjura kellmitni

Darba mort f’xatt ix-xmara Gave ma’ żewġ tfajliet sħabi biex niġbru l-ħatab, u smajt bħal ħoss. Dawwart wiċċi lejn l-oqsma, u rajt li s-siġar ma kinux jitħarrku. Erfajt għajnejja u ħarist lejn l-għar. U rajt Sinjura liebsa l-abjad; kienet mistura b’libsa bajda u kellha faxxa kaħla ma’ qaddha; fuq kull riġel kellha warda minn lewn id-deheb, l-istess lewn tal-kuruna tar-rużarju li kellha.

Kif rajt dan, għorokt għajnejja, għax ħsibt li qieghda nitqarraq. Daħħalt idi fil-but, u sibt il-kuruna tar-rużarju tiegħi. Ridt ukoll inrodd is-salib, iżda idi reġgħet niżlet weħidha, u ma stajtx intellagħha sa ġbini. Imbagħad is-Sinjura stess raddet is-salib, u għalhekk, minkejja r-rogħda li kelli f’idi, jien ukoll fittixt li nagħmel bħalha, u sa fl-aħħar stajt. Fl-istess ħin qbadt ngħid ir-rużarju, u min-naħa tagħha s-Sinjura wkoll bdiet tgħaddi ż-żibeġ tal-kuruna tagħha minn bejn subgħajha iżda bla ma ċċaqlaq xufftejha. Kif spiċċajt ir-rużarju, minnufih id-dehra għabet.

Jien staqsejt liż-żewġ sħabi jekk rawx xi ħaġa: huma qaluli li ma raw xejn, u staqsew lili jekk rajtx xi ħaġa, biex ngħidilhom. Jiena żgurajthom li rajt Sinjura liebsa l-abjad, imma li ma kontx naf min hi; u wissejthom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. Imbagħad huma wkoll fetħuli għajnejja biex ma nerġax nersaq ’l hemm, iżda ma tajthomx widen. Għalhekk il-Ħadd ta’ wara rġajt mort, għax ħassejtni mbuttata minn ġewwa. …

Fit-tielet darba li rajtha, dik is-Sinjura kellmitni, u staqsietni jekk irridx irnmur għandha fl-għar għal ħmistax-il ġurnata wara xulxin; jien weġibtha li iva. Qaltli wkoll li kelli mmur ngħid lill-qassisin biex jibnulha kappella hemmhekk; imbagħad riditni mmur nixrob mill-għajn. Jien ma rajt ebda għajn, u qbadt riesqa lejn ix-xmara Gave; imma hi fissritli li mhux għax-xmara kienet qaltli, u wrietni b’sebagħha fejn kienet l-għajn. Ersaqt, iżda ma sibtx ħlief ftit ħama, u ebda ilma ma stajt niġbor f’idi. Għalhekk qbadt inħaffer, u sa fl-aħħar stajt nieħu ftit ilma. Irmejtu tliet darbiet, imma r-raba’ darba seħħli nixrob minnu. Imbagħad id-dehra għabet, u jiena rġajt lura.

Mort hemm għal ħmistax-il ġurnata wara xulxin, u s-Sinjura dehritli kuljum, barra t-Tnejn u l-Ġimgħa. Reġgħet fakkritni li kelli mmur ngħid lill-qassisin biex jibnu kappella f’dak il-post, u riditni ninħasel fl-għajn u nitlob għall-konverżjoni tal-midinbin. Ħafna drabi staqsejtha min hi, imma hi kienet titbissimli bil-hlewwa; fl-aħħar fetħet dirgħajha, refgħet għajnejha lejn is-sema, u qaltli li hija l-Kunċizzjoni Immakulata.

F’dawk il-ħmistax-il ġurnata hija fdatli wkoll tlett segrieti, imma rabtitni biex żgur ma ngħid lil ħadd bihom. Il-kelma li tajtha żammejtha sħiħa sa llum.

RESPONSORJU                                                                                Lq 1:46a,49,48b

1. Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, * għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

2. Minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja. * Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant.ta’ Żakkarija : Verġni Marija, inti ż-żerniq sabiħ tas-salvazzjoni, għax ġibtilna lil Kristu, ix-Xemx tal-ġustizzja, li ġie jżurna mill-għoli bħax-xemx tielgħa.

Talba

O Alla ħanin, ieqaf magħna, bnedmin dgħajfa, biex, aħna u nagħmlu t-tifkira tal-Verġni bla tebgħa Omm Alla, Marija, bl-għajnuna tat-talb tagħha nintrefgħu minn ħżunitna u ngħixu ħajja qaddisa. B’Ibnek.

Fl-Għasar

Ant. tal-kant. ta’ Marija: Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.

%d