9 ta’ Frar: SANTA SKOLASTIKA, VERĠNI
Tifkira
Santa Skolastika kienet oħt San Benedittu; twieldet f’Norcia fl-Umbrija madwar is-sena 480. Hija kkonsagrat ruħha lil Alla bħal ħuha, u marret miegħu Monte Cassino bħala l-ewwel soru Benedittina, fejn mietet għall-ħabta tas-sena 547.
Fl-Uffiċċju tal-qari
Lezzjoni
Qari mill-ktieb tad-Djalogi tal-Papa : San Girgor il-Kbir
(Lib. 2 : 3 3 )
Kellha setgħa aqwa, għax ħabbet iżjed
Skolastika, oħt San Benedittu, sa minn ċkunitha kkonsagrat ruħha lil Alla li jista’ kollox. Kellha d-drawwa li darba fis-sena tagħmel żjara lil ħuha, u dan il-bniedem
ta’ Alla kien jinżel jilqagħha f ’kamra li l-irħieb kellhom barra mill-monasteru mhux ’il bogħod mill-bieb.
Darba ġiet bħas-soltu, u ħuha ħa miegħu xi dixxipli u niżel isfel jilqagħha. Għaddew il-jum kollu jfaħħru ’l Alla u jitħaddtu bejniethom fuq ħwejjeġ qaddisa. Meta kien dieħel il-lejl, ħadu xi ħaġa tal-ikel flimkien. Huma baqgħu jitħaddtu fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, u l-ħin għamel sewwa. Għalhekk dik il-mara qaddisa talbet lil huha u qaltlu: “Nitolbok biex ma titlaqnix waħdi dal-lejl, imma nibqgħu ngħidu xi ħaġa fuq l-hena tal-ħajja tas-sema sa ma jisbaħ”. Hu weġibha; “X’inti tgħid, oħt? Ma jistax ikun li nibqa’ barra miċ-ċella!”
Meta rat li ħuha ċaħdilha t-talba tagħha, dik il-mara qaddisa qiegħdet idejha fuq il-mejda, b’subgħajha ġo xulxin, serrħet rasha fuq idejha, u talbet lil Alla li jista’
kollox. Malli refgħet rasha minn fuq il-mejda, beda jberraq u jriegħed waħda f’waħda u qabdet nieżla xita bil-qliel, hekk li la Benedittu u lanqas ħutu r-reliġjużi li kienu miegħu ma setgħu joħorġu barra mill-kamra fejn kienu bilqiegħda.
Mbagħad ir-raġel ta’ Alla sewwed qalbu u beda jitnieħed; u qalilha: “Alla li jista’ kollox jaħfirlek, oħt! X’għamilt?” Hi weġbitu: “Tlabt lilek, u ma ridtx tismagħni;
tlabt lil Alla tiegħi, u semagħni. Mela issa oħroġ, jekk tista’, ħallini, u erġa’ lura fil-monasteru!”
Iżda hu, li ma riedx jibqa’ hemm minn rajh, kellu jibqa’ bilfors. U hekk ġara li għaddew il-lejl kollu mqajmin, iferrħu ’l xulxin bi kliemhom fuq il-qdusija tal-ħajja spiritwali.
U xejn m’hu tal-għaġeb li dik il-mara wriet ruħha aqwa minn ħuha; għax ladarba Alla hu mħabba, kif jgħid San Ġwann, nistgħu ngħidu bir-raġun kollu li hi kellha
setgħa aqwa, għax ħabbet lżjed.
Ġara mbagħad li, wara tlitt ijiem, ir-raġel ta’ Alla kien bilqiegħda f’ċelltu, ħares ’il barra b’għajnejh ’il fuq, u lemaħ ir-ruħ ta’ oħtu barra minn ġisimha, tittajjar f’sura ta’ ħamiema u dieħla s-sema. Dik il-glorja kollha tagħha mlietu bil-ferħ, u nfexx irodd ħajr lil Alla li jista’ kollox, b’innijiet ta’ tifħir. Mbagħad bagħat lil ħutu r-reliġjużi biex iġibu l-katavru tagħha fil-monasteru, u difnuh fl-istess qabar li kien ħejja għalih innifsu.
B’hekk ġara li, bħalma l-erwieħ tagħhom kienu dejjem marbutin bejniethom f’Alla, l-iġsma tagħhom ukoll anqas fil-qabar ma nfirdu minn xulxin.
RESPONSORJU Salm 132(133):1
1. ll-verġni qaddisa talbet lil Alla biex ħuha ma jitlaqhiex; * Seħħilha taqla ’ iżjed mingħand is-Sid ta’ qalbha, għax ħabbitu iżjed.
2. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien! * Seħħilha taqla ’ iżjed mingħand is-sid ta’ qalbha, għax ħabbitu iżjed.
Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum
Ant. Din hi verġni bil-għaqal li marret għand Kristu, fejn issa tiddi fost il-qtajja’ tal-verġni bħax-xemx fost id-dwal kbar tas-sema.
Talba
Aħna u niċcelebraw it-tifkira tal-verġni Santa Skolastika, agħmel, Mulej, li nitgħallmu minnha biex naqduk b’imħabba sħiħa, u hekk ikun jistħoqqilna li tfawwama bl-hena ta ’ mħabbtek. B’lbnek.