Lezzjoni II: Is-Seba’ Qaddisin Fundaturi tal-Ordni tas-Servi ta’ Marija

Print Friendly, PDF & Email

17 ta’ Frar: IS-SEBA’ QADDISIN FUNDATURI TAL-ORDNI TAS-SERVI TA’ MARIJA

Sebat irġiel minn Firenze, membri ta’ fratellanza tal-Madonna, fl-1233  għexu ħajja ta’ eremiti fuq l-għolja Senario, l-iżjed f’ġieħ Marija Verġni. Imbagħad daru t-Toscana kollha jxandru l-kelma ta’ Alla, u waqqfu l-Ordni tas-Serviti ta’ Marija, biex jimmeditaw fuq il-passjoni ta’ Kristu u d-duluri tal-Madonna. L-ordni ġie approvat mis-Santa Sede fl-1304. It-tifkira tagħhom issir illum, il-jum li, kif jingħad, fih miet San Alessju Falconieri, wieħed mis-sebgħa, fl-1310.

Fl-Uffiċċju tal-qari

Lezzjoni II

Qari mill-Leġġenda dwar il-bidu tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija

(Monumenta Ord. Serv. B.M.V. 1:3,5,6,9,11)

Infaħħru l-irġiel ta’ ġieħ

Kienu sebat irġiel ta’ ġieħ kbir. Sidtna Marija ġabrithom flimkien bħal seba’ kwiekeb, rabtithom bejniethom fir-ruħ u l-ġisem, u permezz tagħhom tat bidu għall-Ordni tal-qaddejja tagħha.

Meta jien dħalt fl-Ordni tagħna, ħadd minnhom ma kien għadu ħaj, ħlief wieħed, li kien jismu Fra Alessju. Sidtna Marija għoġobha tħalli magħna sa issa lil dan Fra Alessju biex ikun jista’ jgħidilna kif beda l-Ordni tagħna. Jiena tgħallimt u rajt b’għajnejja stess kemm dan Fra Alessju kien iħeġġeġ lil kulħadd madwaru bl-eżempju tiegħu, mhux biss, imma wkoll kemm b’ħajtu kien juri l-perfezzjoni tiegħu u ta’ sħabu u tal-Ordni li waqqfu.

Dawn, qabel ma ngħaqdu f’soċjetà waħda, kienu diġà magħqudin bejniethom bħal b’rabta spiritwali, kif nistgħu naraw minn dan li sejrin ngħidu.

L-ewwelnett, għal dak li hu stat tagħhom fil-Knisja. Xi wħud minnhom ma kinux miżżewwġa, u għamlu l-fehma sħiħa li jgħaddu ħajjithom kollha fil-verġnità u s-safa; l-oħrajn kienu żżewwġu, iżda marthom kienet mietet u baqgħu romol.

It-tieni, għal dak li hu stat tagħhom bħala ċittadini. Huma kienu neguzjanti; iżda hekk kif sabu l-ħaġra prezzjuża, jigifieri l-Ordni tagħna, mhux biss qassmu kulma kellhom lill-foqra imma wkoll taw lilhom infushom b’ferħ kbir lil Alla u lil Sidtna Marija bħala qaddejja fidili tagħhom.

It-tielet, għal dik li hi qima u ġieħ li kienu jagħtu lill-Madonna. Fil-belt ta’ Firenze kien hemm xirka antika ħafna, imwaqqfa f’ġieħ il-Verġni Marija; kienu jsejħulha s-“Soċjetà l-kbira ta’ Sidtna Marija”, u ssejħet ‘il-kbira’ kemm għax kienet ilha mwaqqfa żmien twil, kemm minħabba l-għadd kbir u l-qdusija tal-membri tagħha rġiel u nisa. Issa s-sebat irġiel li qegħdin insemmu, qabel ma waqqfu l-għaqda tagħhom, kienu lkoll membri ta’ dik is-soċjetà u devoti kbar ta’ Marija.

Ir-raba’, għal dik li hi perfezzjoni spiritwali. Kienu jħobbu lil Alla fuq kollox; kulma jagħmlu, kienu jagħmluh għalih kif imiss u jagħtuh ġieħ b’kull ħsieb, b’kull kelma u b’kull għemil tagħhom.

Imbagħad Alla nebbaħhom, u, bl-għajnuna speċjali ta’ Sidtna Marija, ftiehmu bejniethom u taw kelma sħiħa li jingħaqdu f’għaqda waħda. Għalhekk ħasbu għal djarhom u qrabathom, ħallewlhom il-meħtieġ għalihom, u qassmu l-bqija lill-foqra. Wara, imbagħad, sabu xi rġiel bil-għaqal, ta’ ħajja tajba u eżemplari, u qalulhom bil-ħsieb tagħhom.

Telgħu fuq il-muntanja Senario, bnew daqsxejn ta’ dar xierqa fuq il-quċċata, u marru joqogħdu fiha. Hemmhekk mhux biss fittxew il-qdusija tagħhom infushom, iżda wkoll ħadu ħsieb biex jgħaqqdu oħrajn magħhom u jkabbru l-Ordni ġdid li Marija bdiet permezz tagħhom. Ftiehmu mela biex idaħħlu reliġjużi oħrajn magħhom, laqgħu lil xi wħud fosthom, u hekk waqqfu l-Ordni tagħna. Iżda l-bennej ewlieni tiegħu kienet Sidtna Marija; hija waqqfitu fuq is-sisien tal-umiltà ta’ ħutna r-reliġjużi, rabtitu sewwa bil-għaqda tal-qlub ta’ bejniethom, u żammitu qawwi u sħiħ bil-faqar tagħhom.

RESPONSORJU                                                        Atti 4:32; 2:46b-47a

1. Il-ġemgħa kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. * Ħadd minnhom ma kien jgħid li dak li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien.

2. Kienu jieħdu l-ikel tagħhom bi qlub ferħana u safja, kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom. * Ħadd minnhom ma kien jgħid li dak li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien.

Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija: Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien!

Talba

Agħtina, Mulej, it-tjieba tar-ruħ tal-aħwa qaddisa li llum qegħdin infakkru, li kellhom devozzjoni tal-għaġeb lejn l-Omm qaddisa ta’ Alla, u ħabirku biex iressqu lejk il-poplu tiegħek. B’Ibnek.

Fl-Għasar

Ant. tal-kant. ta’ Marija: Fejn l-aħwa jsebbħu lil Alla flimkien, hemm il-Mulej jagħti l-barka.

%d bloggers like this: