Lezzjoni II: San Pietru Damiani

21 ta’ Frar: SAN PIETRU DAMIANI, ISQOF U DUTTUR TAL-KNISJA

Tifkira

San Pietru Damiani twieled f’Ravenna fl-1007; wara li temm l-istudji qabad jgħallem, iżda ma damx ma telaq kollox u ngħaqad mal-eremiti ta’ Fonte Avellana. Għażluh pirjol, u b’qawwa kbira ħabrek għall-ġid tal-ħajja reliġjuża, mhux biss madwaru iżda wkoll fi nħawi oħra tal-Italja. Fi żminijiet iebsa ta għajnuna lill-Papiet għat-tiġdid tal-Knisja, sew bil-ħidma u l-kitba tiegħu, sew bħala legat. Stiefnu IX għamlu kardinal u isqof ta’ Ostia; miet f’Faenza fit-22 ta’ Frar fl-1072, u minnufih kiseb il-ġieħ tal-qaddisin. Ġie ddikjarat duttur tal-Knisja fl-1828.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri tal-isqof San Pietru Damiani

(Lib. 8:6)

Ifraħ u stenna l-hena wara d-dwejjaq

Għażiż, inti tlabtni niktiblek u ngħidlek kliem ta’ faraġ, biex it-twissijiet u l-għożża tiegħi jkunu qishom ftit ħlewwa li ttaffi l-imrar li qiegħed iġġarrab wara tbatijiet kbar.

Iżda jekk moħħok mhuwiex bin-ngħas, malajr issib il-faraġ, kif bla dubju ta’ xejn tista’ tara minn dak li jgħidlek Alla biex bħal ibnu jgħallmek x’għandek tagħmel ħalli tikseb il-wirt tiegħu. Ma hemmx kliem aktar ċar minn dan: Ibni, jekk trid tersaq lejn il-Mulej biex taqdih, żomm lilek innifsek fis-sewwa u l-biża’, u ħejji ruħek għat-tiġrib.

Fejn hemm il-biża’ u s-sewwa, ebda tiġrib tal-għadu ma jkun ta’ tbatija u jasar, imma aktar ikun tagħlim ta’ missier.

Għalhekk Ġob il-qaddis, meta sab ruħu fi tbatijiet ħorox, wara li qal: Mhux li kien Alla jgħaffiġni, mhux li kien imidd idu u jeqridni, minnufih żied jgħid: Dan kien ikun il-faraġ tiegħi: l-hena li nħoss li, minkejja t-tbatijiet li ma nistax naħrabhom, ma nkunx ċħadt id-digrieti tal-Qaddis.

L-istess swat ta’ Alla hu faraġ kbir għall-magħżulin tiegħu, għax b’dawn it-tbatijiet ta’ issa huma jitqawwew u jsaħħu t-tama tagħhom fil-mixja lejn l-hena u l-glorja li għad jiksbu fis-sema.

Għalhekk in-nies tas-sengħa jużaw il-martell fuq id-deheb, biex ineħħu l-ħażin minnu; għalhekk jillimawh sewwa, biex bil-brix qawwi tal-lima jiġi jleqq iżjed. Ix-xogħol tal-fuħħar jiġġarrab bin-nar; il-prova tal-bniedem qiegħda fit-tħassib tiegħu. Għalhekk jgħid San Ġakbu: Għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib.

Għax għandhom tassew biex jifirħu dawk li, jekk Alla issa qiegħed iġarrabhom għall-għemil ħażin tagħhom hawnhekk, qiegħed ukoll jerfgħalhom premju għal dejjem fis-sema għat-tajjeb li jkunu għamlu.

Għalhekk, ħija l-għażiż, meta taqla’ s-swat u d-daqqiet tat-tagħlim ta’ Alla, tħallix li l-qtigħ ta’ qalb jagħmel bik, toqgħodx tgemgem u titlewwem, tkunx qalbek sewda u mdejjaq, u qis li n-nuqqas ta’ kuraġġ ma jtelliflekx sabrek; imma kun dejjem wiċċek għad-dawl, spirtu ferħan, u fommok mimli bir-radd ta’ ħajr.

Alla hu ta’ min ifaħħru għall-mod kif iqassam kollox: għalħekk issa jsawwat lill-qaddejja tiegħu, biex jeħlishom mill-kastigi ta’ dejjem; għalhekk jgħaffiġhom, biex jerfagħhom; għalhekk iqattagħhom, biex ifejjaqhom; għalhekk iċekkinhom, biex jgħollihom.

Mela, għażiż tiegħi, ftakar f’dawn it-twissijiet u f’oħrajn bħalhom li Alla tak fl-Iskrittura, twettaq u stabar, u ifraħ u stenna l-hena wara d-dwejjaq.

It-tama tqawwik fl-istennija ta’ dak l-hena, u l-imħabba tħeġġek għalih, biex moħħok jedha u jinsa t-tbatija li qiegħed iġġarrab minn barra, u jfittex jersaq lejn dak li int tilmħu ġewwa fik.

RESPONSORJU                                                        ara Sir 31:8. 11a. 10ċd

1. Hieni l-bniedem li nstab bla ħtija, li ma fittixx l-għana u ma ttamax fil-flus. * Għalhekk ġidu qiegħed fis-sod, għand il-Mulej.

2. Seta’ jidneb, imma ma dinibx, jagħmel id-deni, iżda ma għamlux, * Għalhekk ġidu qiegħed fis-sod għand il-Mulej.

Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija: Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu lil ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħall-kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.

Talba

O Alla li tista’ kollox, agħtina l-għajnuna biex nimxu fuq it-twissijiet u l-eżempju tal-isqof San Pietru Damiani, ħalli nagħżlu lil Kristu fuq kollox u ningħataw dejjem għas-servizz tal-Knisja tiegħek, biex naslu fl-hena u d-dawl ta’ dejjem. B’Ibnek.

Fl-Għasar

Ant. tal-kant. ta’ Marija: San Pietru, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja mqaddsa, itlob lill-Iben ta’ Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej.