Lezzjoni II: San Ġirolmu Emiliani

Print Friendly, PDF & Email

8 ta’ Frar. SAN ĠIROLMU EMILIANI

Tifkira

San Ġirolmu twieled f’Venezja fl-1486k, daħal suldat u, meta spiċċa mis-servizz, ingħata għall-għajnuna tal-foqra, li lilhom qassam ġidu. Mbagħad waqqaf 1-Ordni tal-Kjeriċi Regolari ta ’ Somaska biex jieħdu ħsieb it-tfal iltiema u fqar. Hu u jdur bil-morda marad bil-pesta u miet f’Somaska qrib Bergamo fl-1537.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI

Qari mill-Ittri ta’ San Ġirolmu Emiliani lir-reliġjużi tiegħu

(Venezja, 21 ta’ Ġunju 1535)

Fil-Mulej ”Wdu għandna nittamaw

Għeżież ħuti fi Kristu, ulied is-Soċjetà tal-qaddejja tal-fqar.

Jien, il-missier imsejken tagħkom, insellmilkom, nħeġġiġkom biex tibqgħu sħaħ sal-aħħar fl-imħabba ta’ Kristu u fil-ħarsien fidil tal-liġi nisranija, bħalma wrejtkom bil-kliem u l-għemil meta kont fostkom, biex permezz tiegħi l-Mulej ikun igglorifikat bikom.

It-tmiem tagħna hu Alla, l-għajn ta’ kull ġid, u, kif ngħidu fit-talb, fil-Mulej waħdu għandna nittamaw u f’ħadd iżjed. Fi tjubitu, il-Mulej Sidna jrid ikattar il-fidi tagħikom; fejn ma kienx hemm din il-fidi, kif jgħid l-Evanġelista, Kristu ma setax jagħmel ħafna mirakli. Hu jrid ukoll jisma’ t-talb tagħkom. Għal dan riedkom tinqdew bil-foqra, bl-imdejqin, bl-imnikktin, bl-imħabbtin, dawk li kulħadd iwarrabhom. Jiena nnifsi, il-missier imsejken tagħkom, miniex magħkom bil-ġisem imma ninsab fostkom bl-ispirtu, bħal missier għażiż u ħelu.

Alla waħdu jaf għaliex ried hekk; b’danakollu nistgħu naħsbu li hemm tliet raġunijiet.

L-ewwelnett, Sidna l-imbierek iwissikom li jrid jgħoddkom fost l-ulied għeżież tiegħu, sakemm tibqgħu miexja sal-aħħar fi triqatu: hekk għamel ma’ ħbiebu, u qaddishom.

It-tieni, huwa jridkom tittamaw dejjem iżjed fih waħdu u f’ħadd ħliefu, għaliex Alla, kif għedtilkom, ma jaħdimx f’dawk li ma jridux iqiegħdu fih waħdu l-fiduċja u t-tama kollha tagħhom imma jsawwab il-milja ta’ mħabbtu f’dawk li għandhom fidi u tama qawwija, u jagħmel ħwejjeġ kbar fihom. Mela jekk ikollkom il-fidi u t-tama, ħwejjeġ kbar jagħmel magħkom dak li jgħolli liċ-ċkejknin. Għalhekk, meta firidna minnkom, huwa qiegħed quddiemkom żewġ ħwejjeġ, biex tagħżlu minnhom: jew ma tibqgħux fidili u terġgħu lura għall-ħwejjeġ tad-dinja, jew tibqgħu sħaħ fil-fidi u tħalluh iġarrabkom.

It-tielet raġuni hi din: Alla jrid jgħaddikom mill-prova, kif jgħaddu d-deheb minn-nar. Il-qxur tad-deheb idub bin-nar, imma d-deheb it-tajjeb jibqa’, u jiżdied fil-prezz. Hekk jagħmel Alla mal-qaddej tajjeb tiegħu li jittama fih u jibqa’ dejjem miegħu saħansitra fit-taħbit. Alla jwieżnu, u f’din id-dinja jroddlu għal mitt darba iktar kull ma jkun ħalla minħabba fih, u għal li ġej jagħtih il-ħajja ta’ dejjem.

Dejjem hekk ġieb ruħu mal-qaddisin kollha tiegħu. Hekk għamel mal-Iżraelin wara dak kollu li kienu raw ma’ wiċċhom fl-Eġittu; huwa ħariġhom minn dik l-art fost ħafna għeġubijiet, mhux biss, imma temagħhom il-manna fid-deżert u tahom l-art li kien wegħidhom. Mela jekk intom tibqgħu sħaħ fil-fidi kontra t-tiġrib, il-Mulej jagħtikom is-sliem u l-mistrieħ issa f’din il-ħajja, u għal dejjem fl-oħra.

RESPONSORJU                                                        1 Piet 3:8, 9b; Rum 12:10-11

1. Kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, inħabbu bħal aħwa, b’qalb twajba u umli; * Għax għal dan intom ġejtu msejħa, biex tkunu werrieta tal-barka ta’ Alla.

2. Ħobbu lil xulxin bħal aħwa, żommu wieħed lill-ieħor akbar minnkom fil-ġieħ, tħallux il-ħerqa tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu lill-Mulej, * Għax għal dan intom ġejtu msejħa, biex tkunu werrieta tal-barka ta’ Alla.

Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant. Il-bniedem li jħenn, jgħallem u jħarreġ kif jagħmel ragħaj mal-merħla tiegħu.

Talba

O Alla, Missier ta’ kull ħniena, int ħadt ħsieb it-tfal iltiema u bgħattilhom lil San Ġirolmu Emiliani biex jieqaf magħhom u jkunilhom missier; bit-talb tiegħu, agħtina li nħarsu b’fedeltà sħiħa l-Ispirtu tal-adozzjoni, li bih nissejħu wliedek, u aħna tassew. B’Ibnek.

Fl-Għasar

Ant. Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi: għax ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-smewwiet.

%d bloggers like this: