Ite ad Joseph!

Din is-sena hi sena Ġużeppina. Kien il-Papa Franġisku li ħabbarha. Is-sena Ġużeppina bdiet mit-8 ta’ Diċembru 2020 u tintemm fit-8 ta’ Diċembru 2021. Kien 150 sena ilu, nhar it-8 ta’ Diċembru 1870, meta l-Beatu Papa Piju IX, b’digriet li kien jismu: Quemadmodum Deus, ħatar solennement lil San Ġużepp bħala l-qaddis Patrun tal-Knisja Universali.

Allura aħna, taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, ma ridnix nibqgħu lura minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tassew sbieħ li qed isiru fil-Knisja Universali f’ġieħ ir-Raġel ta’ Marija, Omm Alla u l-Ħarries tal-Feddej, kif sejjaħlu tant tajjeb San Papa Ġwann Pawlu II. B’att mill-isbaħ u f’isem l-arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, il-Mulej Ġesù, permezz tas-Sur Anthony Casha, tana din il-grazzja mill-isbaħ u li tant ferħittna, li San Ġużepp ikun magħna għal ġimgħa sħiħa fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija permezz tal-Bastjun bil-fjuri tiegħu.

Kemm ġera San Ġużepp fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo! Tibżgħux! Ma baqgħux maqful, imbeżża’ u inkwetat x’jgħidu fuqu fil-kappella tal-Isptar! U mela San Ġużepp jaf joqgħod kwiet x’kull waħda tnejn! Dak bħat-Tifel li rabba u ħa ħsieb ħi! Bħal Ġesù Kristu! Kwiet f’ġismu m’għandux! Għax Ġużeppi A DOER! U mhux paċpaċi! Għalhekk ma jafx jgħir u jagħmel il-bsaten fir-roti! San Ġużepp JAGĦMEL, JIKKONKRETIZZA u l-viżjoni jġibhielek maħduma bl-akbar reqqa fuq platt tad-deheb u mhux fl-arja!

Għax San Ġużepp JOBDI lill-Ispirtu s-Santu! Hu l-bniedem tal-Ispirtu s-Santu! Għalhekk il-Mulej wettaq u għadu jwettaq ħwejjeġ tant kbar u sbieħ bih! U hekk għamel għeżież fil-ġimgħa li għamel idur magħna bejn il-Ħamis 14 u l-Ħamis 21 ta’ Jannar 2021 fl-Onkoloġija! Għax min resaq b’fidi u bi mħabba lejn il-Bastun tiegħu u talab dik il-ġmiel ta’ ġmiel ta’ talba tal-Papa Ljun XIII fuq San Ġużepp, ħass il-virtujiet tal-Isplendur tal-Patrijarki jgħaddu fuqu u fuqha. Kemm tberikna bl-ubbidjenza, bil-fidi, bir-responsabbiltà, bil-fermezza, bil-kuraġġ, bit-tama, bl-imħabba, bil-ħidma ħabbrieka, bl-azzjoni, bis-sabar, bir-rispett lejh innifsu u lejn l-oħrajn, bil-komunjoni, bid-dixxiplina, bil-ħlewwa mħallta mal-qawwa, bl-għerf, bid-dixxerniment u b’biżibilju ta’ virtujiet li jibrillaw f’San Ġużepp! U kemm berikt lill-Karmelitani Patri Charlo u ‘l Patri Glenn li rabbewni nħobb lill-Patrijarka tal-Patrijarki!

Il-preżenza ta’ San Ġużepp fostna fejqitna! Kemm sar quddies u talb fil-preżenza tal-Bastun ta’ Ġużeppi! U kemm nies ħadu ritratti ma’ Joe tagħna! Għax il-preżenza ta’ Joe tagħtina lil Ġesù! Hekk ngħannilu lil Bastun ta’ San Ġużepp, f’poeżija li tani l-Mulej: O Bastun ta’ San Ġużepp/ Ferħ u barka għar-Rabtin/Dulluvju kbir ta’ grazzji/ Għalina l-Maltin u l-Għawdxin!

Ite ad Joseph! Morru għand Ġużeppi!

Patri Mario Attard OFM Cap