Blaise Pascal – Il-Lejla tan-Nar
Kien it-23 ta’ Novembru tal-1654, ħames xhur wara l-inkurunazzjoni tar-re ta’ Franza Lwiġi XIV, meta Blaise Pascal, matematiku, filosfu u teologu, għadda minn avventura singulari, esperjenza mistika li ħalla f’Memorial li baqa’ jgħożż f’ħajtu kollha.
Ġenju fil-mekkanika
Blaise Pascal twieled fl-1623 fi Clermont, Franza. Ta’ tifel, hu mexa fuq l-iskola ta’ missieru, uffiċjal għoli tar-re. Minn kmieni dehret il-qawwa tal-intelliġenza tiegħu li wasslitu għal diversi invenzjonijiet. Ta’ 19-il sena vvinta magna aritmetika, li b’umiltà sejħilha Pascaline, li kienet l-antenata tal-calculator diġitali. Biha ffranka ħafna xogħol ta’ kalkoli lil missieru, li kien inkarigat mill-ġbir tat-taxxi tal-pajjiż. Kienet magna li tgħodd, tnaqqas in-numri u timmoltiplika. Ma kellhiex suċċess kummerċjali għax ma kinitx komda biex tużaha u kienet tiswa ħafna. Qisuha bħala ġugarell għas-sinjuri l-kbar, kemm fi Franza kif ukoll f’naħat oħra tal-Ewropa. Pascal kompla jtejjeb din il-magna hekk li nbnew 50 minnha fuq id-disinn tiegħu. Il-ġenju mekkaniku tiegħu wasslu, fost invenzjonijiet oħra, biex jiġi inawgurat fit-toroq ta’ Pariġi l-ewwel trasport pubbliku, b’karozzella b’għadd ta’ seats. Blaise Pascal hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa xjentist ta’ żmienu. Madankollu kien konvint li la s-soċjetà u lanqas ix-xjenza ma jistgħu jimlew il-qalb tal-bniedem.
Il-Memorial
F’dak il-lejl tat-23 ta’ Diċembru 1654, “bejn l-għaxra u nofs ta’ billejl sas-siegħa ta’ filgħodu”, Pascal kellu esperjenza reliġjuża intensa. Minnufih kiteb nota li żamm għalih innifsu, li semmiha il-Memorial. Kiteb hekk: “Ferħ, ferħ, ferħ, dmugħ ta’ ferħ. Ħassejtni ninqata’ mid-dinja. Alla ta’ Abrahem, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, mhux tal-filosfi u tal-għorrief.” Jagħlaq billi jikkwota vers 16 ta’ Salm 119: “Ma ninsiex il-kelma tiegħek. Ammen.” Dak il-ħin kienet daħlet fil-ħajja ta’ Pascal imħabba li taħraq nar.
Fil-Memorial, li Pascal iwassal bħala esperjenza deċisiva f’ħajtu, hu jpenġi salib b’raġġi madwaru u bil-kliem ‘nar’, biex ifisser fil-qosor dak li għex f’din l-esperjenza. Hekk kiteb fid-dar tiegħu f’Pariġi, ħdejn il-Ġnien ta’ Lussemburgu. F’din l-esperjenza ra minnufih kollox fil-veru dawl. Ġara li qaddej tal-familja Pascal, wara l-mewt ta’ Blaise, skopra li kien ħiet dan id-dokument b’kura kbira fil-kowt tiegħu u kien jaqilgħu mill-kowt u jħitu fi ħwejjeġ oħra li kien ibiddel.
F’dan il-“lejl ta’ nar”, Pascal qajjem aktar fih it-twemmin u l-impenn reliġjuż tiegħu. F’Jannar tal-1655 mar iżur l-eqdem miż-żewġ kunventi f’Port-Royal fejn għamel irtir ta’ ġimagħtejn,. Fl-erba’ snin ta’ wara vvjaġġa b’mod regolari bejn Port-Royal u Pariġi. Kien f’dan iż-żmien wara l-konverżjoni tiegħu li Pascal beda jikteb l-ewwel xogħol maġġuri tiegħu fuq ir-reliġjon, l-Ittri Provinċjali.
L-esperjenza ta’ Port-Royal
Tmien snin qabel, f’Rouen, kien ikkonverta flimkien mal-familja kollha għall-ispiritwalità ta’ Porte-Royal, moviment qawwi Ġansenista li kien jattira l-intellettwali u nies li jfittxu l-perfezzjoni fit-twemmin reliġjuż. Sa dak iż-żmien il-Ġansenisti kienu fi ħdan il-Knisja Kattolika. Oħtu Jacqueline saret soru s-sena ta’ qabel f’Port-Royal u t-tħajjir regolari tagħha għenuh jimxi ’l quddiem lejn id-dawl. Il-konverżjoni ta’ Blaise, permezz taż-żjarat tiegħu fil-monasteru ta’ Port-Roya wasslitu biex jaqbad il-pinna ħalli jkun l-avversarju tal-moralità tal-Ġiżwiti, li kien iqishom bħala laxki. Pascal kellu qalbu taħraq, tħoss l-uġigħ, imqabbda ma’ Kristu, li tistieden lin-nies biex ifittxu lil Alla u jitkellmu dwar ħwejjeġ eterni aktar milli jidħlu għal pjaċiri li jdumu ftit.
Pascal qatt ma nesa dawk is-sigħat tal-‘lejl ta’ nar’ li fihom kien hekk qrib ta’ Alla li tant kellu għatx għalih. Minn hemm ‘il quddiem ġarr dejjem miegħu il-Memorial ta’ dik il-lejla rari u unika, li ma kellhiex titħassar minn moħħu. Fil-monasteru ta’ Porte-Royale, ma lajċi oħra li kienu jissejħu s-‘solitarji’ għax jgħixu ‘l bogħod mid-dinja ta’ vanità, Pascal għaraf fil-qalb tiegħu lil dak li kien isejjaħlu “Alla ta’ Ġesù Kristu”. Sab il-milja tal-verità li ħelsitu mill-vojt li kien iħoss ġo fih. Billi ma kienx la monaku u lanqas eremit, kien iħobb imur f’dan il-monasteru fil-wied ta’ Chevreuse. Il-fejqan mirakuluż tan-neputija u filjozza tiegħu, li kien jisimha Marguerite Périer għen biex isaħħah il-fidi tiegħu. Marguerite fieqet meta misset ma’ laqxa mir-relikwarju tal-kuruna tax-xewk ta’ Kristu. ,
Il-Pensées (Il-Ħsibijiet)
Il-Pensées (Il-Ħsibijiet) hu l-iktar xogħol teoloġiku influwenti ta’ Pascal, imma li ma laħaqx itemm f’ħajtu. Pascal, sofferenti, marid kif kien sa’ minn meta kellu 18-il sena, tefa’ ħarstu lejn proġett kbir li ħadlu l-aħħar snin ta’ ħajtu. Hi apoloġija tar-reliġjon Nisranija li, minkejja li mhix kompluta, saret ċelebri taħt l-isem sempliċi ta’ Pensée (Ħsibijiet).
Hi difiża tal-fidi Nisranija, bit-titlu oriġinali Apoloġija (Difiża) tar-Reliġjon Nisranija. L-ewwel verżjoni, ta’ għadd ta’ biċċiet tal-karti li nstabu wara mewtu, dehru fi ktieb fl-1669 bit-titlu Ħsibijiet ta’ M. Pascal fuq ir-reliġjon u fuq xi suġġetti oħra. F’qasir żmien sar ktieb klassiku. Il-qofol tal-Apoloġija kien dwar il-filosofiji ta’ Pirroniżmu (filosofija ta’ xettiċiżmu) u tal-Istojċiżmu (filosofija rigorista), personalizzati minn Montaigne fuq naħa u Epictetus fuq l-oħra. Huma filosofiji li jistgħu jwasslu għall-qtigħ il-qalb u għall-konfużjoni fl-imħuħ. Il-Ħsibijiet ta’ Pascal hu meqjus bħala kapolavur fil-proża Franċiża u, għal xi wħud, l-iktar ktieb elokwenti fil-proża Franċiża.
Pascal jitfa’ ħarstu lejn il-veru ċentru, Alla ta’ Abraham li jitkellem mal-qalb aktar milli mar-raġuni. Fuq sodda tal-mewt ta’ wieħed li tant ħadha kontra l-aqwa għorrief kbar ta’ żmienu, hemm il-Bibbja. Pascal ma jarax fil-wiċċ tal-oħrajn ħlief il-wiċċ ta’ Kristu. Jekk il-verità li tiġi mix-xjenza u mir-raġuni hi utli u neċessarja, il-verità li tista’ tmissha b’idejk, kif ġralu fil-lejla tal-Memorial, terfa’ lill-bniedem lejn ordni wisq aktar prezzjuż, l-ordni tal-karità. Fl-għabex ta’ ħajtu, naraw lil dan il-ġenju xjentifiku jmur minn knisja għal oħra, bħal pellegrin umli, dejjem bix-xewqa li jgħin lill-foqra, li fit-testment tiegħu ħallielhom nofs ġidu.
Blaise Pascal, li għalih il-karità kienet talba, miet fid-19 ta’ Awwissu 1662 meta kellu 39 sena wara li, kif dejjem xtaq, irċieva l-Ewkaristija.
Minn Joe Galea