Biex il-ħajja umana tkun imħarsa

Il-Ħadd, 7 ta’ Frar 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tal-Ħames Ħadd tas-Sena. Parroċċa Balzan.

Biex il-ħajja umana tkun imħarsa

Jekk hemm xi ħaġa li tolqtok f’dan l-Evanġelju skont San Mark li għadna kif smajna, din hi l-imħabba kbira ta’ Ġesù lejn kull persuna; kif Ġesù ried dejjem il-ġid lil kull persuna, u għalhekk kien jgħin biex ifejjaq lil min kien marid, biex ineħħi dak li jfixkel il-ħajja, u jgħin lill-bniedem biex jgħix ħajtu mill-ġdid.

Ir-rispett lejn il-ħajja ta’ kull bniedem

Hawnhekk hija verament sabiħa d-deskrizzjoni meta Ġesù jidħol fid-dar ta’ Xmun, fejn kien hemm omm il-mara tiegħu li kienet ma tiflaħx. L-Evanġelju jgħid li hu jaqbadha minn idha, iqajjimha u jfejjaqha. Lil din il-mara Ġesù ttrasformaha. Fejjaqha, u hemm dettall interessanti li jgħid li kif fejjaqha, bdiet isservihom. Minn persuna fil-bżonn, għamilha persuna li tgħin lil dawk li huma fil-bżonn. Imbagħad hemm id-deskrizzjoni meta nġabret il-belt bi ħġarha u ġabulu l-morda u dawk li kienu maħkuma mix-xitan. U Ġesù fejjaq il-morda u ħeles lil dawk maħkuma mix-xitan. Hija d-d-dehra sabiħa ta’ Ġesù li għalih kull ħajja hi prezzjuża, kull ħajja għandha tiġi mħarsa. Din narawha f’dan ir-rakkont u f’diversi mumenti oħra tal-ħajja ta’ Ġesù.

X’inhu l-messaġġ sabiħ li jagħtina Ġesù? Hemm ħafna li nistgħu naraw f’din is-silta qasira. Imma nixtieq li nieqfu fuq punt importanti: li Ġesù jgħallimna ngħożżu u nħarsu l-ħajja tagħna u ta’ kull persuna. Insemmi dawn it-tliet punti marbuta mal-ħarsien tal-ħajja.

Favur il-ħajja fil-ħajja ta’ kuljum

L-ewwel nett, Ġesù jrid li aħna nieħdu ħsieb saħħitna – il-ħajja li hu tana – u l-ħajja tal-oħrajn. Li nieħdu ħsieb saħħitna jfisser li nevitaw dak kollu li jfixkel il-ħajja, għax ngħożżu l-ħajja li tana bħala don minn Alla. Kemm il-ħajja tagħna kif ukoll il-ħajja tal-oħrajn.

Ħa nsemmi affarijiet prattiċi tal-ħajja ta’ kuljum li jistgħu jfixklu: per eżempju, is-sewqan meta jkun bl-addoċċ jew b’għaġġla żejda u ta’ periklu għall-ħajja tal-oħrajn; ix-xorb żejjed u bla kontroll; id-droga, li kultant hi mpinġija bħala mezz ta’ rikreazzjoni – qisu hemm droga tajba u droga ħażina – imma fl-aħħar mill-aħħar tagħmel ħsara lis-saħħa u lill-ħajja; il-ħsara lill-ambjent li meta ma nirrispettawhx, ikun ta’ dannu għal kulħadd. Hemm dawn l-affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum li huma importanti li juru jekk aħna verament ngħożżux il-ħajja tagħna u tal-oħrajn.

Edukazzjoni għal mentalita favur il-ħajja

Imbagħad, għandna niffurmaw ruħna u nrawmu lill-oħrajn fl-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Din hi importanti bħala mentalità. Jekk aħna tidħol f’moħħna li l-ħajja umana nistgħu niddeċiedu aħna meta tibda, flok nagħrfu dak li tgħidilna x-xjenza dwar meta tibda, u għalhekk nistgħu nirranġaw aħna, niskartaw jew neliminaw, diġà nkunu qegħidna pedament żbaljat għall-bqija tal-ħajja, għal kif inħarsu lejn il-ħajja f’kull waqt tagħha.  Il-ħajja għandha tiġi mħarsa mill-ewwel mument tagħha, meta hemm diġà ħajja umana.  Meta nibdew minn hemm, inkunu bdejna tajjeb. Imbagħad ukoll sat-tmiem naturali tagħha. Għandna nagħmlu minn kollox biex lill-bniedem ngħinuh fil-mumenti diffiċli, imma mhux b’xi mod li nagħtu l-messaġġ li xi ħadd huwa żejjed, li issa għamel biżżejjed żmien fid-dinja, jew li wasal iż-żmien biex jitlaq, qisu hawn xi ħadd fid-dinja li hu żejjed.  

L-esperjenza tal-pandemija li qed ngħixu u li ilna kważi sena ngħixuha turina kemm għandna tassew nagħtu valur lill-ħajja ta’ kull bniedem, għax kull bniedem hu importanti, kemm jekk għadu żgħir u kemm jekk kbir ħafna fl-età. Ħadd ma jsir ‘mhux importanti’ għax għalaq ċerta età; ħadd ma jsir ‘jista’ jispiċċa’ għax għalaq ċerta età. Ġesù wriena li l-ħajja ta’ kull persuna hi importanti u għalhekk għandna ngħożżuha dejjem mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha.

Għajnuna lil dawk ta’ ħajja mġarrba

F’dan ir-rakkont, naraw ukoll kemm għandna nieqfu ma’ min qed ibati; speċjalment, min għaddej minn mard, bħalma għamel Ġesù hawnhekk. Għandna nippruvaw li ntaffu t-tbatija ta’ kull min għaddej minn mard, u kull tip ta’ mard. Aħna nafu li f’dawn l-aħħar xhur żdiedu d-diffikultajiet ta’ nies li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali, nies li jkollhom l-ansjetà, nies li għandhom diffikultajiet biex jgħixu waħedhom jew iħossuhom waħedhom, iżolati, abbandunati. Għandu jkollna l-għożża għal dawn il-persuni u nfittxu li nieqfu magħhom ħalli kulħadd ikollu l-appoġġ u s-solidarjetà li għandu bżonn u ħadd ma jħossu mormi, u ħadd ma jħossu skartat. Speċjalment fil-mumenti tal-akbar tbatija, għandna nfittxu li ngħinu biex intaffu t-tbatija, u mod kif nistgħu ngħinu hu billi nuru l-imħabba, għax hi l-imħabba li tgħin biex ittaffi t-tbatija tal-persuni.

It-talb: l-għajn tal-ħajja

Fl-Evanġelju tal-lum naqraw li Ġesù, wara li għamel dan kollu, “filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob.” Għax kien fit-talb li jsib il-qawwa biex jagħmel il-ġid. Kien fit-talb li jsib l-għajnuna biex jista’ jfejjaq, biex jista’ jgħin lill-bniedem fid-diffikultajiet tiegħu jew tagħha.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja, aħna u ninġabru hawnhekk fit-talb, li aħna nfittxu lilu biex minnu niksbu l-qawwa, fih insibu l-għajn biex inkomplu dejjem naħdmu għall-ħarsien tal-ħajja tagħna u tal-oħrajn u speċjalment nieqfu ma’ dawk kollha li għaddejjin minn tbatija.

Joseph Galea-Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply