Il-Papa jibgħat messaġġ fl-okkażjoni tas-600 anniversarju tal-Kummissarjat tal-Art Imqaddsa
Il-Papa Franġisku lbieraħ bagħat messaġġ fl-okkażjoni tas-sitt mitt anniversarju mill-istituzzjoni tal-Kummissarjat tal-Art Imqaddsa.
“L-14 ta’ Frar huwa s-600 anniversarju mill-istituzzjoni tal-Kummissarjat ta’ l-Art Imqaddsa mill-Papa Martin V,” qal il-Papa fl-ittra ndirizzata lill-Kustodju tal-Art Imqaddsa, Fra Francesco Patton, OFM. Wara dawn is-sekli kollha, l-Papa qal,“il-missjoni tal-Kummissarjat għadha relevanti: li tappoġġja, tippromwovi u ttejjeb il-missjoni tal-Kustodja tal-Art Imqaddsa billi tagħmel network ta’ relazzjonijiet ekkleżjali, spiritwali u ta’ karità li għandhom bħala punt fokali tagħhom l-art fejn għex Ġesù.” Waqt li tenna l-appoġġ tiegħu għas-“servizz prezzjuż” tagħhom u estenda l-barka tiegħu fuqhom, il-Qdusija Tiegħu kompla jesprimi t-tama li jista’ “jsir dejjem aktar żerriegħa ta’ fraternità”.
“Inbierekhom minn qalbi – u jekk jogħġbkom tinsewx titlobu għalija,” qal il-Papa fil- konklużjoni tal-messaġġ tiegħu.
Min-naħa l-oħra, il-Kustodju, Fra Francesco Patton OFM, esprima l-gratitudni tiegħu għall-messaġġ tal-Papa, filwaqt li rringrazzjah f’ismu u f’isem il-Kummissarjat, għall-qrubija tiegħu permezz ta’ dan il- messaġġ fl- okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tas-sitt ċentinarju. Huwa ukoll qal lis-servizz tal-Kummissarjat huwa prezzjuż u, f’ħafna modi, insostitwibbli, peress li jservi biex l-Art Imqaddsa ssir magħrufa. Jenfasizza wkoll is-servizz tal-Kustodja tal-Art Imqaddsa biex jinkoraġġixxi, jorganizza u jakkumpanja gruppi ta’ pellegrini biex iżuru l-Postijiet Imqaddsa; l-promozzjoni annwali tal- “Ġabra għall-Art Imqaddsa” u forom oħra t’appoġġ ekonomiku għall-missjoni; u nkoraġġiment tal-vokazzjonijiet għas-servizz tal-Art Imqaddsa.
Il-Kustodju nforma lill-Papa li fil-15 ta’ Frar fis-6:30am f’Ġerusalemm, se jkun hemm ċelebrazzjoni solenni tal-Ewkaristija b’ringrazzjament għas-600 sena ta’ servizz u b’tifkira tal-benefatturi kollha fil-Knisja tas-Santu Sepulkru. Huwa wiegħed li jaqra l-messaġġ tal-Papa f’dik l-okkażjoni u li jitlob għalih u għall-ministeru tiegħu, kif ukoll għall-għaqda u l-fraternità fost il-popli kollha, u żied li “huwa preċiżament mill-Misteru tal-Għid li din il-proklamazzjoni u l-ministeru jiġbdu l-oriġini u l-frott tagħha.” Fit-tmiem tal-ittra tiegħu, Fra Francesco Patton OFM, tenna l-gratitudni tiegħu lejn il-Papa, speċjalment għall-appoġġ kollu li rċieva permezz tal-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali u l-prefett tagħha.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-02/pope-francis-commissaries-holy-land-annivesary.html