Aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol

Is-Santa Sede tħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Ewropej biex jiggarantixxu aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol

Filwaqt li jiffokaw fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza tan-nisa u l-irġiel fil-parteċipazzjoni ekonomika, l-Istati “m’għandhomx jonqsu milli jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-familja, ċ-ċellola fundamentali tas-soċjetà u l-bini tal-ħajja ekonomika ta’ għada,” qalet is-Santa Sede lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).

Fit-tmiem is-sessjoni tal-għeluq tal-ewwel laqgħa preparatorja tad-29 Forum Ekonomiku u Ambjentali tal-OSCE (EEF), li saret nhar it-Tlieta, r-Rappreżentant Permanenti tas-Santa Sede, l-Arċisqof Janusz Urbańczyk, fakkar li x-xogħol u l-familja huma “intrinsikament relatati mad-dinjità u l-iżvilupp tal-persuna umana, kif ukoll għat-titjib tas-soċjetà.” Huwa enfasizza wkoll li fl-interdipendenza tagħhom “il-familja fl-aħħar mill-aħħar għandha valur ogħla” u li “x-xogħol għandu għalhekk ikun orjentat b’mod prudenti lejn il-familja”.

Ir-Rappreżentant Permanenti tas-Santa Sede, l-Arċisqof Janusz Urbańczyk

F’dan il-kuntest, ir-rappreżentant tal-Vatikan qal li huwa mportanti wkoll li wieħed jiftakar “fir-rwol enormi” tax-xogħol mhux imħallas tan-nisa, li, għalkemm mhux rikonoxxut uffiċjalment mill-ekonomija formali, jikkontribwixxi “mhux biss għall-iżvillupp ekonomiku ta’ kull pajjiż, iżda jsostni wkoll l-pilastri fundamentali li jirregolaw soċjetà u nazzjoni”. Huwa nnota li “dan huwa ċertament il-każ għax-xogħol nobbli u mhux imħallas li jagħtu għall-edukazzjoni tat-tfal u l-kura tal-anzjani, meta wieħed iqis ukoll kemm l-Istat kieku jkollu jonfoq għal dawn is-servizzi soċjali”.

Fl-istqarrija tiegħu, l-Arċisqof Urbańczyk tenna għal darb’oħra l-appoġġ tas-Santa Sede għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa. “Kull persuna, mara jew raġel, għandha d-dritt għal inizjattiva ekonomika, u għandha tkun tista’ tagħmel użu leġittimu mit-talenti tagħha”.

Għaldaqstant, huwa qal, l-Istati kollha tal-OSCE “għandhom obbligu li jiggarantixxu aċċess ġust w ugwali għas-suq tax-xogħol għaċ-ċittadini kollha tagħhom, irrispettivament mis-sess tagħhom, u dan għandu jkun orjentat biss lejn il-kwalifika meħtieġa”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2021-02/holy-see-osce-equality-women-family-work.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.