Meta tlaqqamt bil-vaċċin

Print Friendly, PDF & Email

Bil-Malti ngħidu: Ħadd wara ħadd u jasal ta’ kulħadd. U wasal għalija ukoll il-jum li nitlaqqam bil-vaċċin kontra l-covid-19!

Niftakarni nispiċċa l-quddiesa fid-Day Ward, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u nħejji ruħi għat-tilqima. Waħda mill-affarijiet sbieħ li l-Mulej qed jgħallimni f’dan l-isptar imqaddes f’kull sens tal-kelma hi, li biex inqaddes quddiesa m’għandix le għalfejn inġibha fit-tul. Quddiesa ta’ 20 u forsi 25 minuta għandha tkun biżżejjed. Ma ninsewx x’nitolbu fil-quddiesa qabel nitqarbnu: Għid biss KELMA u ruħi tkun imfejqa! Mela, żgur li m’hemmx bżonn xi komponiment jew xi eloġju li ma jispiċċa qatt fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa! Wara kollox ħuti l-Kristjaneżmu minn dejjem għallimni li l-eloġji jsiru bl-eżempji tal-ħajja u mhux bil-paroli li aqta’ kif, jaħasra, jiskadu u jaqtgħu f’radda ta’ salib! L-aktar meta l-eloġju joħroġ mill-freezer ta’ xi ħadd moħħu fis-sħab inkella mill-forn jivvampja ta’ xi ħadd li emozzjoni biss għandu u mbagħad m’hemm l-ebda sottomissjoni għall-idejal li jħaddan! Intant! …

Wara li lestejt mill-quddiesa rħejtilha biex immur nieħu t-tilqima. Ma kontx waħdi. Kien hemm ħabib li nqisu b’ħija li ġie miegħi għal naqra kumpanija. Għax, għidli ftit, kif tridek tkun tgħix fl-isptar tal-Onkoloġija u ma jkollokx kumpanija? Dejjem kumpanija tajba. Inkella, kif jgħid tajjeb ħafna l-qawl Taljan: Meglio solo che mal accompagnato! Aħjar waħdek milli f’kumpanija ħażina!

Qsamna l-pont li jgħaqqad iż-żewġ sptarijiet. Irrid ngħid li ħassejtni ftit eċitat u anki mgħobbi bir-responsabbiltà li issa, grazzi lill-Mulej fl-awtoritajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna, kien se jkolli din il-grazzja li nitlaqqam bil-vaċċin. Ħassejtni eċitat iva! Għax, li titlaqqam kontra dan il-misħut virus li hawn idur tabilħaqq hi grazzja mill-kbar nett. U, l-affari aktar tagħmel sens minħabba n-numru ta’ vittmi li dejjem qed jagħmel mad-dinja kollha! Filli xejn u filli jmutu kważi 2 miljun ruħ imxerrdin mal-erbat irkejjen tad-dinja tassew li fiha! Imma ħbieb dik hi l-ħajja! U dik għandha x’tagħtina wkoll, minbarra sintendi ħwejjeġ sbieħ li ma rridux ninsew.

Aħna u għaddejjin mill-kuritur ġewni f’moħħi dawn in-nies li mietu mingħajr dinjità. Persuni li spiċċaw waħedhom fl-oqsma tal-kura intensiva f’tant sptarijiet madwar id-dinja matul dan il-flaġell tal-covid-19. Persuni li ma setgħux jaraw lill-familjari tagħhom, lil uliedhom, lill-ġenituri, lil marthom, lil żwieġhom, lin-neputijiet tagħhom minħabba l-miżuri ġusti tas-saħħa li, anki jekk huma tajbin u f’lokhom kemm tridhom, iġibu tant tbatija fir-rabta emozzjonali u ta’ mħabba fil-familja. Imbagħad ma stajtx ma niftakarx f’dawk il-persuni li mietu waħedhom id-dar. Suli suli. Li n-numri tagħhom hu kbir. Bħalma ma stajtx ma niftakarx ukoll fil-Maltin ħutna li, minkejja l-kura ta’ l-ogħla livell li toffri s-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna, xorta waħda kellhom jgħaddu mill-esperjenza tal-mewt. U magħhom, kif qalli persuna, batew fuq li batew u għadhom ibatu fuq li jbatu, il-familjari li ħallew warajhom.

Għal dawn il-persuni ħarġittli demgħa. Kienet demgħa ta’ qsim il-qalb. Għax ħuti u ħutek huma! Kienet demgħa ġejja minn qalb maqsuma l-għaliex ħajja tant sabiħa spiċċat  hekk, ħesrem! U, ma’ dawn l-aħwa, ma stajtx ma niftakarx ukoll f’ħuti l-patrijiet u saċerdoti li ħallew ħajjithom l-għaliex, minflok ma nqaflu imbeżża’ fil-kunvent jew fid-dar tal-kappillan jew darhom stess, issuktaw iduru man-nies ħa jgħinuhom u jfarrġuhom. Sakemm, sintendi, taw ħajjithom għalihom! Nista’ ma nsellimx it-tifkira memorabbli ta’ dawn in-nies ta’ sinsla?

Imma, l-għaliex jien Nisrani, qabel jien Patri, nemmen li l-Mulej qed iserraħħhom issa fl-eternità. Għalhekk, waqt li konna fil-kuritur, tlabt minn qalbi għalihom: Agħtihom O Mulej ilmistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem, ammen. U, kif tlabt din it-talba, balla nqalgħet mill-istonku tiegħi l-għaliex xogħli kont issa għamiltu!

F’kemm ilni ngħidlek wasalna fil-post fejn kelli nieħu t-tilqima. Fl-ewwel sular fuq il-kappella. Ħadt gost li ntagħżel proprju dan il-post. U ma setax ma jingħażilx post aħjar. Dan l-għaliex li nieħu t-tilqima kontra l-covid-19 hu att virtuż kemm tridu kemm għalina u anki għall-oħrajn. Aktar u aktar aħna, dawk li qiegħdin fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra dan l-għadu komuni li ma jafx b’kuluri, ideoloġiji u kredijiet politiċi, reliġjużi u soċjali! Barra minhekk, ħadt gost u rringrazzjajt ukoll li l-Istat u l-Knisja kienu leħen wieħed dwar it-teħida tat-tilqima. Sabiħ meta nimxu flimkien! U, personalment, se nissokta nitlob fuq li nitlob biex din l-istorja ma tkunx marbuta biss mal-injezzjoni kontra l-covid-19 u tintesa f’ruxxmata kwistjonijiet oħra. Ejjew naħdmu għall-għaqda fl-oqsma kollha tal-ħajja soċjali, politika u reliġjuża Maltija! Ejjew naħdmu għal pajjiż maqgħud għax mill-għaqda fil-verità ġid joħroġ! U qatt ma nagħtu spazzju għal polemika bla sens għax giddieba għax din tnawwar, issewwes u ddgħajjef l-għaqda tas-soċjetà tagħna.

Dħalt fil-kju u, wara li rreġistrawni, wasalt biex nieħu t-tilqima. Xi ħlewwa, xi tjubija u xi professjonalità! Is-sabiħa hi li min tagħtni t-tilqima niftakarni nżewwiġha xi snin ilu! Ma stajtx ma nirringrazzjax lill-Mulej għal dan kollu! Kemm kien twajjeb miegħi l-Mulej fit-tilqima tal-covid-19! Għax ħbieb, lill-Mulej, f’dawn l-affarijiet tal-ħajja rridu narawh! Fl-affarijiet iż-żgħar imma li jagħmlu differenza tassew kbira! Għalhekk, minn din l-esperjenza, l-Ispirtu s-Santu tani kelma importanti: APPREZZA! Għax meta napprezza nibdew it-triq tal-veru progress. Nifhem, xejn m’hu perfett. Imma sabiħ li napprezzaw! Wara kollox ħuti ċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo dan li jgħallimni l-ħin kollu: il-ħajja tgħaddi malajr! Bħal ħolma! U ta’ kulħadd tgħaddi tafux! Ta’ min jaħseb li se jmur malajr u ta’ min jaħseb li se jibqa’ hawn b’ċens perpetwu! Ejjew mela nagħmlu l-aħjar minnha!

Ir-raqda ċomba li rqadt filgħaxija sa filgħodu, minħabba l-effetti tat-tilqima, saħħittni f’konvinzjoni importanti: nikkopera kemm nikkopera l-Mulej irid jagħmel! Għalhekk, bil-kuxjenza kwieta, stajt nistrieħ fis-sliem f’dik illejla, mimli tama li t-tilqima ħa tgħinni u tgħin anki lill-pazjenti li l-Mulej tani l-grazzja li nieħu ħsieb il-kura spiritwali tagħhom, li bi dritt tad-dinjità tagħhom stess ta’ bnedmin huma intitolati għaliha. Għalhekk issa, bis-saħħa tal-għajnuna tal-Mulej fil-vaċċin, nista’ nissokta nagħtihom din il-kura b’serħan il-moħħ u l-qalb!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: