Ittra Pasorali tal-Isqfijiet għar-Randan 2021


Ittra Pastorali ghar-Randan mill-Isqfijiet ta’ Malta u Ghawdex, li ser tinqara fi tmiem din il-gimgha fil-knejjes kollha f’Malta u Ghawdex. Mehmuz it-test originali bil-Malti u t-traduzzjoni ghall-Ingliz. 

Ara l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet għar-Randan 2021 …

Ispirati mill-enċiklika tal-Papa Frangisku Fratelli Tutti, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jistiednu lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex b’mod speċjali matul dan ir-Randan jibnu soċjetà ta’ għożża u solidarjetà. Jgħidu li dawk vulnerabbli u dgħajfa jeħtieġu aktar attenzjoni u kura, u li hemm bżonn li naħdmu aktar bis‑sħiħ għal kultura li tirrispetta l‑ħajja u d‑dinjità ta’ kull bniedem. “Hija din il‑protezzjoni tal‑ħajja umana mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha sat‑tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha, li hi l‑pedament ta’ kultura ta’ rispett lejn id‑drittijiet ta’ kull bniedem.”

L-Isqfijiet jgħidu li l‑pandemija tal‑COVID‑19 ħarġet aktar fid‑deher kemm hawn persuni li jħossuhom iżolati u waħedhom, jew b’sens ta’ vojt kbir f’ħajjithom. Filwaqt li jgħidu li matul dan iż‑żmien żdiedu l‑problemi ta’ saħħa mentali u ta’ tbatija fir‑relazzjonijiet, l-Isqfijiet isellmu lil tant persuni li qegħdin juru għożża u solidarjetà b’mod konkret mal‑persuni vulnerabbli.

L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Anton Teuma u l-Isqof Joseph Galea-Curmi jestendu l-istedina tal-Papa Franġisku biex flimkien naħdmu għal soċjetà mingħajr ħitan u mingħajr fruntieri li jifirduna, għaliex hu b’dan il‑mod li jista’ jingħeleb il‑virus tal‑individwaliżmu. Jgħidu li dan jista’ jsir ukoll permezz tad‑djalogu li jirrispetta, isaħħaħ u jfittex il‑verità.

L-Isqfijiet jappellaw biex, aħna u niddjalogaw, naħdmu biex infejqu l‑grieħi, u dan nagħmluh bi spirtu ta’ maħfra. “Il‑maħfra ma tfissirx li ninsew jew li nħallu dak li għaddejna minnu midfun fina, jew li nibqgħu ċassi quddiem dak li hu ħazin u inġust. Il‑maħfra ma tfissirx impunità. Il‑maħfra tfisser li ma nħallux l‑esperjenza ħażina li għaddejna minnha torbotna bi ktajjen u tikkundizzjonana. Il‑maħfra tgħinna noħorġu miċ‑ċirku vizzjuż tal‑vendetta, waqt li nkomplu naħdmu bis‑sħiħ għal dak li hu ġust u sewwa.”

F’din is-sena li l-Papa Franġisku ried li tkun iddedikata lil San Ġużepp, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jitolbu l‑protezzjoni ta’ dan il-bniedem “li għadda minn mumenti ta’ kriżi u ta’ tbatija, fosthom it‑tfittxija ta’ kenn barra minn artu mal‑familja tiegħu refuġjata”. Jispjegaw kif San Ġużepp hu l-bniedem li jisma’ u li fl‑istess waqt jieħu azzjoni b’kuragg biex jipproteġi l‑ħajja.

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.