Il-Papa Franġisku kiteb ittra lill-Isqof u l-Knisja ta’ Płock, il-Polonja, fl-okkażjoni tad-90 anniversarju mill-ewwel dehra ta’ Ġesù Ħanin lil Santa Marija Faustina Kowalska, soru Pollokka. Id-dehriet lil Santa Faustina ffurmaw il-bażi tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina.
Fl-ittra tiegħu, l-Papa Franġisku jfakkar il-kliem li semgħet Santa Faustina fit-22 ta’ Frar 1931: “Iżbogħ pittura bl-imaġini tiegħi, bil-kliem: Ġesù, Jiena nafda fik. Nixtieq li din ix-xbieha tiġi meqjuma l-ewwel fil-kappella tiegħek u mbagħad tinxtered mad-dinja kollha”. L-immaġini tal-Ħniena Divina sussegwentament infirxet mad-dinja kollha. “Jien naqsam il-ferħ tal-Knisja ta’ Płock li dan l-avveniment speċjali huwa diġà magħruf mad-dinja kollha u jibqa’ fil-qlub tal-fidili,” kiteb il-Papa Franġisku.
Il-Qdusija Tiegħu ħeġġeġ lill-fidili biex “jitolbu lil Kristu d-don tal-ħniena”, biex iħallu l-ħniena ta’ Kristu “tħaddanna u tidħol fina”, biex ikollhom “il-kuraġġ li jirritornaw lejn Ġesù, biex jiltaqgħu mal-imħabba u l-ħniena tiegħu fis-Sagramenti” u “biex iħossu l-qrubija u t-tenerezza Tiegħu” sabiex “inkunu aktar kapaċi għall-ħniena, l-paċenzja, l-maħfra u l-imħabba”.
Waqt li fakkar fid-devozzjoni li kellu San Ġwann Pawlu II lejn Santa Faustina u l-messaġġ ta’ Kristu tal-Ħniena Divina. Il-Papa qal li l-predeċessur tiegħu kien “l-appostlu tal-ħniena” li “ried li l-messaġġ tal-imħabba tal-ħniena ta’ Alla jasal għand l-abitanti kollha tad-dinja”. Fl-2002, waqt żjara li kien għamel fis-Santwarju tal-Ħniena Divina fi Krakovja, l-Papa Pollakk qal, “Dan in-nar tal-ħniena jeħtieġ li jgħaddi lid-dinja. Fil-ħniena t’Alla d-dinja ssib il-paċi w l-umanità ssib il-kuntentizza!”
Il-Papa Franġisku min-naħa tiegħu jinsisti, “Din hija sfida speċjali għall-Knisja ta’ Płock, immarkata minn din ir-rivelazzjoni”; għall-komunità ta’ Suor Faustina, s-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena; għall-belt ta’ Płock, u “għall kull wieħed u waħda minnkom”. “Għaddu n-nar tal-imħabba ħanina ta’ Ġesù”, jikteb il-Papa Franġisku bħala konklużjoni. “Kunu għal kulħadd sinjal tal-preżenza Tiegħu fostkom”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-02/pope-francis-pass-on-the-fire-of-jesus-merciful-love.html