8 ta’ Marzu: S. ĠWANN TA’ ALLA, RELIĠJUŻ
Tifkira
San Ġwann twieled fil-Portugall fl-1495; u f’ħajtu wettaq firxa ta’ ħidmiet: ragħaj, suldat u bejjiegħ tal-kotba. Wara ħajja mwiegħra ta’ suldat, fittex ħwejjeġ aħjar billi ngħata kollu kemm hu għas-servizz tal-morda. Meta kellu 42 sena, imħeġġeġ minn San Ġwann ta’ Avila, ikkonverta u beda jaqdi l-morda fi Granada, Spanja. Huwa waqqaf sptar fi Granada, u miegħu sieħeb oħrajn li mbagħad waqqfu l-Ordni Ospidalier ta’ S. Ġwann ta’ Alla. Il-qdusija tiegħu dehret l-iżjed fl-imħabba għall-foqra u l-morda. Miet fi Granada fit-8 ta’ Marzu 1550. Hu meqjum bħala l-patrun tal-morda, tal-isptarijiet u tal-bejjiegħa tal-kotba.
Fl-Uffiċċju tal-qari
LEZZJONI
Qari mill-Ittra ta ’ San Ġwann ta ’ Alla, reliġjuż
(Archiv. Gen. Ord. Hospit. Quaderno: De las cartas…ff. 23, 24, 27;
O. Marcos, Cartas y escritos di
Nuestro Glorioso Padre San Juan di Dios, Madrid, 1935)
Kristu hu fidil u jaħseb għal kollox
Jekk inħarsu lejn il-ħniena ta’ Alla, qatt ma nieqfu nagħmlu l-ġid kollu li nistgħu; għax meta għall-imħabba ta’ Alla nagħtu lill-foqra dak kollu li hu jagħtina, huwa
jwegħedna kollox għal mitt darba iżjed fl-hena ta’ dejjem. X’kisba kbira u qligħ sabiħ! Min ma jagħtihx kulma għandu lil dan Alla li jħallas hekk tajjeb? Hu nnifsu
jagħtina ħa jkollna biex nixtru; hu jiftħilna dirgħajh u jitlobna biex induru lejh, nibku dnubietna, u naqdu, għall-imħabba tagħna l-ewwelnett, u mbagħad tal-proxxmu. Għax bħalma l-ilma jitfi n-nar, hekk l-imħabba tħassar id-dnub.
Tant jiġu nies fqar għandna li sikwit nistagħġeb kif nistgħu nżommuhom; imma Ġesu Kristu jaħseb għal kollox, u jgħajjex lil kulħadd. Jiġu ħafna foqra fid-dar ta’
Alla, għax Granada hi belt kbira fejn jagħmel ħafna bard, l-aktar issa fix-xitwa. Aktar minn mija u għaxra joqogħdu f’din id-dar, nies morda u b’saħħithom, qaddejja u barranin: din hi d-dar ġenerali tagħna, u għalħekk tilqa’ lill-morda kollha, għandhom x’għandhom u huma min huma: mitruħin, immankati, imġiddmin, imbikkmin, boloh, mifluġin, miġruħin, bosta xjuħ u tfal, u wkoll il-ħafna barranin u vjaġġaturi li jaslu mit-triq; u kulħadd isib in-nar, l-ilma u l-melħ, u l-borom fiex isajru, bla ma nitolbu l-iċken ħlas lil xi ħadd, għax hemm Kristu jaħseb.
Minħabba f’hekk jien mgħobbi bid-dejn, u qiegħed nitjassar għal Kristu. Tant għandi dejn li bosta drabi anqas nissogra noħroġ barra, u nsewwed qalbi ħafna meta nara li ma nistax ngħin lil dawn ħutna l-foqra, lill-proxxmu tiegħi li qiegħed ibati iktar milli jiflaħ u jinsab magħfus minn ħafna hemm fir-ruħ u l-ġisem. Imma nitma fi Kristu; hu ’l qalbi jafha. Għalhekk ngħid: Misħut hu min jittama fil-bnedmin u mhux fi Kristu waħdu. Għax il-bnedmin, trid jew ma tridx, xi darba jkollok tinfired minnhom; imma Kristu hu fidil u ma jinfired qatt minnek, Kristu
jaħseb għal kollox. Mela niżżuh ħajr għal dejjem. Amen.
RESPONSORJU ara Iż. 58:7-8
1.Aqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u daħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf. * Mbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tieġħek, quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek.
2.. Libbes lil min hu għarwien, u n-nies ta’ darek tinsihomx. * Mbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek.
Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum
Ant. tal-kant. ta’ Żakkarija Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.
Talba
O Alla, inti tajt lill-qaddej tiegħek San Ġwann qalb kollha ħniena għall-proxxmu; nitolbuk biex, b’għemejjel ta’ mħabba, jistħoqqilna nissieħbu mal-magħżulin tiegħek fis-saltna tas-sema. B’Ibnek.
Fl-Għasar
Ant. tal-kant. ta’ Marija Tassew, ngħidilkom, kemm għamiltu ma’ wieħed minn dawn iż-żgħar tiegħi, għamiltuh miegħi. Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.