Kandidati oħra fit-triq għall-qdusija

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa jawtorizza tmien digrieti dwar kandidati fit-triq għall-qdusija

Il-Papa Franġisku nhar is-Sibt irċieva f’udjenza lill-Kardinal Marcello Semeraro, l-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin, li ppreżenta għall-approvazzjoni tiegħu l-kawżi ta’ diversi kandidati fit-triq tagħhom għall-qdusija.

Digriet approva miraklu attribwit għall-interċessjoni ta’ lajka Taljana, l-Venerabbli Qaddejja t’Alla Armida Barelli, membru tal-Ordni Franġiskan Sekulari. Hija twieldet fl-1 ta’ Diċembru 1882, f’Milan, u mietet f’Marzio, l-Italja fil-15 ta’ Awwissu 1952.

Fost il-kandidati li l-virtujiet erojiċi tagħhom il-Papa Franġisku approva nhar is-Sibt kien hemm il-Qaddej t’Alla Injazju ta’ San Pawl, saċerdot Passjonista Ingliż. Huwa twieled fil-21 ta’ Diċembru 1799 f’Londra, iben it-tieni Earl Spencer. Dan hu qarrib tal-Prinċep William u Prinċep Harry, minn naħa tal-Prinċipessa Diana. B’din l-approvazzjoni, Patri Injazju ta’ San Pawl issa se jkollu t-titlu ta’ Venerabbli.

Il-virtujiet erojiċi ta’ dawn li ġejjin wkoll ġew rikonoxxuti mill-Papa nhar is-Sibt:

Il-Qaddej t’Alla Albino Alves da Cunha Silva, saċerdot djoċesan, imwieled fit-22 ta’ Settembru 1882, f’Codeçôso, il-Portugal, miet f’Catanduva, il-Brażil, fid-19 ta’ Settembru 1973.

Il-Qaddejja t’Alla Maria Felicita Fortunata Baseggio, soru tal-Ordni ta’ Santu Wistin. Hija twieldet fil-5 ta’ Mejju 1752 f’Ferrara, l-Italja, mietet f’Rovigo, l-Italja, fil-11 ta’ Frar 1829.

Il-Qaddejja t’Alla Floralba Rondi, membru profess tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Poverelle. Hija twieldet fl-10 ta’ Diċembru 1924 f’Pedrengo, l-Italja, mietet f’Mosango, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fil-25 ta’ April 1995.

Il-Qaddejja t’Alla Clarangela Ghilardi, membru tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Poverelle. Imwielda fil-21 ta’ April 1931 fi Trescore Balneario, l-Italja, mietet f’Kikwit, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fis-6 ta’ Mejju 1995.

Il-Qaddej t’Alla Dinarosa Belleri, membru tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Poverelle. Imwielda fil-11 ta’ Novembru 1936 f’Cailina di Villa Carcina, l-Italja, mietet f’Kikwit, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fl-14 ta’ Mejju 1995.

Il-Qaddejja t’Alla Elisa Giambelluca, membru lajka tal-Istituzzjoni Teresjana. Hija twieldet fit-30 ta’ April 1941 f’Isnello, l-Italja, u mietet f’Ruma fil-5 ta’ Lulju 1986.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-02/pope-francis-decree-sainthood-causes-miracle-virtues-semeraro.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d