Lezzjoni II: San Patrizju

Print Friendly, PDF & Email

17 ta’ Marzu: SAN PATRIZJU, ISQOF

Tifkira

San Patrizju twieled fil-Britannja l-kbira madwar is-sena 385; f’żgħożitu nqabad ilsir u ħaduh l-Irlanda jirgħa l-imrieħel. Ħarab lejn dik li hi Franza tal-lum fejn sar kjeriku u ġie ordnat qassis. Madwar is-sena 403 mar l-Irlanda bħala isqof missjunarju,  rnexxielu jsaħħaħ il-fidi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiż u qassam kollox bl-ordni f ’dik il-Knisja. Miet f ’Down fis-sena 461.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI

Qari mill-Istqarrija tal-isqof San Patrizju

(Confessio, cap. 14—16)

Permezz tiegħi ħafna popli twieldu mill-ġdid għall-Mulej

Bla heda nrodd ħajr lil Alla għax żammni fidil lejh f’jum it-tiġrib tiegħi, u għalhekk illum, bla biża’ ta’ xejn, nista’ noffrilu s-sagrifiċċju ta’ ħajti kollha, biex ruħi tkun

vittma ħajja għall-Mulej Ġesu, Sidi, li ħarisni tul it-tiġrib kollu tiegħi. Bir-raġun kollu, mela, illum nista’ ngħid: Min jien, Mulej, u x’inhi s-sejħa tiegħi biex inti sseħibt miegħi fil-kobor tiegħek ta’ Alla, tant li jien illum ngħolli u nagħti ġieħ lil ismek fost il-pagani, kemm fir-riżq it-tajjeb u kemm waqt it-tiġrib?

Kull ma jiġrili, kemm ta’ ġid u kemm ta’ deni, kollox nilqa’ bil-qalb, u tiegħu nrodd ħajr lil Alla, li għallimni nafda dejjem fih, għaliex hu jismagħni. Għalhekk jien, f’dawn l-aħħar żminijiet, għalkemm bniedem li ma naf xejn, dħalt għall-ħidma qaddisa u tal-għaġeb, u sirt nixbah ’il dawk li l-Mulej darba ħabbar li kienu se jxandru l-Evanġelju tiegħu b’xhieda għall-ġnus kollha.

Mnejn dan l-għerf, li jien ma kellix, jien, li la kont naf x’kien hemm imħejji għalija, u lanqas kont naf x’jiġifieri tithenna b’Alla? U mnejn din il-grazzja hekk kbira u hekk ta’ ġid, li rċevejt aktar tard, il-grazzja li nagħraf u nħobb ’l Alla, tant li nħalli ’l pajjiżi u ’l qrabati, u niġi fl-Irlanda nħabbar l-Evanġelju, inġarrab tkasbir minn dawk li ma jemmnux, nara mmaqdra l-ħidma tiegħi, insofri persekuzzjonijiet ħorox, inkun marbut bil-ktajjen, u noffri ħajti kollha għall-ġid ta’ l-oħrajn?

U jekk ikun jistħoqqli, jiena lest ukoll nagħti hawn, jekk il-Mulej jogħġbu jagħtini din il-grazzja. Jiena għandi dejn kbir ma’ Alla, li tani kotra hekk kbira ta’ grazzji: bija, għadd kbir ta’ ġnus twieldu mill-ġdid għal Alla u, wara, twettqu fil-fidi fih; f’kullimkien ġew ordnati qassisin biex jieħdu ħsieb poplu li kien għadu kemm laqa’ l-fidi u l-Mulej kien ħaddnu miegħu minn truf l-art. Hekk kien darba wiegħed bil-profeti tiegħu: Lejk jiġu l-ġnus minn truf l-art u jgħidu: Gideb biss kien wirt missirijietna, frugħa bla ebda fejda. U banda oħra:Nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.

Hawn irrid nistenna li sseħħ il-wegħda tal-Mulej, li qatt ma tiġi nieqsa, wegħda li nsibuha miktuba fi-Evanġelju: Jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent, u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham, u ma Iżakk, u ma Ġakobb: Dan aħna nemmnu, jiġifieri li mit-truf kollha tal-art għad jiġu flimkien dawk kollha li jemmnu.

RESPONSORJU                                                                    ara Rum 15:15b-16; 1:9

1.Alla tani L-grazzja li nkun ministru ta’ Kristu Ġesù fost il-ġnus u naħdem bħala qassls tal-Evanġelju ta’ Alla, * Biex Alla jilqa’ lill-ġnus bħala offerta li togħġbu u

jqaddisha bl-Ispirtu s-Santu.

2. Jiena naqdi ’l Alla l-Missier fl-ispirtu tiegħi billi nxandar l-Evanġelju ta’ Ibnu. * Biex Alla jilqa’ l-ġnus bħala offerta li togħġbu u jqaddisha bl-Ispirtu s-Santu.

Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant.tal-kant. ta’ Żakkarija Morru, għallmu l-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u taI-Ispirtu s-Santu.

Talba

0 Alla, int għażilt lill-isqof San Patrizju biex ixandar il-glorja tiegħek lin-nies tal-Irlanda; għall-merti u t-talb tiegħu, agħtina li l-insara kollha jħabirku biex ixandru

l-għeġubijiet tiegħek lill-bnedmin. B’Ibnek.

Fl-Għasar

Ant. talkant. ta’ Marija Għad jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-saltna tas-smewwiet.