Lezzjoni II: San Franġisk De Paola

Print Friendly, PDF & Email

2 ta’ April: SAN FRANĠISK DE PAOLA, EREMIT

Tifkira

San Franġisk twieled f’Paola, fil-Kalabrja, fl-1416. Waqqaf kongregazzjoni ta’ eremiti, li mbagħad tbiddlet fl-Ordni tal-Minimi, imwettaq mis–Santa Sede fl-1506. Is-sultan Ludoviku XI talbu jmur Franza u hu aktar tard assistieh waqt mewtu. Miet f’Tours fl-1507.

Fl-Uffiċċju tal-Qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri ta’ San Franġisk de Paola

(Epist.a. 1486)

Indmu minn qalbkom

Sidna Ġesu Kristu jaf iħallas tajjeb ħafna; hu jħallaskom tat-taħbit tagħkom. Aħarbu l-ħażen, twarrbu mill-perikli. Għalkemm ma jistħoqqilniex, aħna u ħutna dejjem induru lejn Alla l-Missier, lejn Ibnu Ġesu Kristu, u lejn Marija Verġni u Omm, u l-ħin kollu nitolbuhom biex jieqfu magħkom dejjem f’kull ma tagħmlu biex tiksbu s-salvazzjoni tagħkom fir-ruħ u l-ġisem.

Għalhekk, ħuti, inħeġġiġkom ħafna biex tkunu bil-għaqal u tħabirku għas-salvazzjoni tagħkom. Il-mewt hija żgura, u l-ħajja qasira, tgħaddi qisha duħħan.

Żommu sewwa f’moħħkom il-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu, li, imqanqal mill-imħabba li għandu lejna, niżel mis-sema biex jifdina; minħabba fina ħa kull xorta ta’ tbatija f’ruħu u f’ġismu, u ma warrab ebda sofferenza minn quddiemu. Huwa tana eżempju perfett ta’ sabar u mħabba; għalhekk jenħtieġ li aħna wkoll nistabru fl-għawġ.

Warrbu minnkom kull mibegħda u ġlied; iftħu għajnejkom sewwa mill-kliem iebes, u jekk toħorġilkom xi kelma iebsa minn fommkom issibuhiex bi tqila li toffru l-fejqan b’dak l-istess fomm li bih tkunu weġġajtu lill-oħrajn: u aħfru lil xulxin hekk li ma tibqgħux tiftakru iżjed fl-offiża. Għax min jiftakar fit-tort li jkun sarlu, hu stess ikun jagħmel offiża oħra, jkompli jixgħel il-korla, jibqa’ fid-dnub, u jsir jobgħod il-ġustizzja; it-tifkira tat-tort hija vleġġa msadda, semm tar-ruħ, qerda tal-virtujiet, dudu li jgħawwar il-moħħ; hija tħawwad u xxejjen it-talb li jsir lil Alla u tbiegħed l-imħabba; hija bħal musmar fil-qalb, nifs ħażin li ma jorqod qatt, dnub li ma jiċkien qatt u mewt ta’ kuljum.

 Ħobbu s-sliem, teżor l-aktar għażiż u l-aktar ta’ min jixtiequ. Intom tafu li dnubietna jkebbsu l-korla ta’ Alla: mela jinħtieġ li tindmu, biex Alla jħenn għalikom u jaħfrilkom. Alla jara dak kollu li aħna naħbu lill-bnedmin; għalhekk indmu minn qalbkom. Qisu li bil-ħajja tagħkom tiġbdu l-barka ta’ Alla fuqkom, u s-sliem ta’ Alla Missierna jkun dejjem magħkom.

RESPONSORJU                                                                                2 Kor 4:11. 16

1.Aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f’Ġesu, * Biex ukoll il-ħajja ta’ Ġesu tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut. (Żmien il-Għid hallelujah).

2. Jekk il-ġisem jintemm, aħna kuljum niġġeddu fl-ispirtu minn ġewwa. * Biex ukoll il-ħajja ta’ Ġesu tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut (Żmien il-Għid hallelujah).

Talba

O Alla, li tkabbar lil min jiċċekken, int tellajt lil San Franġisk de Paola fil-glorja tal-qaddisin tiegħek: agħtina li, bil-merti u l-eżempji tiegħu, niksbu b’wiċċ  il-ġid il-premju li int wegħidt lil min iċekken lilu nnifsu. B’Ibnek.

Fit-tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant. tal-kant. ta Żakkarija Jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd  jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu u hu jiekol miegħi

(Żmien il-Għid hallelujah).

Talba

O Alla, li tkabbar lil min jiċċekken, int tellajt lil San Franġisk de Paola fil-glorja tal-qaddisin tiegħek; agħtina li, bil-merti u l-eżempji tiegħu, niksbu b’wiċċ il-ġid il-premju li int wegħidt lil min iċekken lilu nnifsu. B’Ibnek.

Fl-Għasar

Ant. tal-kant. ta Marija Jekk bniedem jagħti l-ġid kollu ta’ daru biex jikseb l-imħabba, ikun iqisu bħax-xejn (Żmien il-Għid hallelujah).

%d bloggers like this: