Papa Franġisku: San Ġużepp hu mudell għar-Rgħajja tal-Knisja.
Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lis-saċerdoti biex jitgħallmu l-arti paterna minn San Ġużepp, billi jkunu rgħajja li jfittxu biss il-ġid tal-merħla fdata lilhom. Huwa għamel din l-eżortazzjoni, lid-delegazzjoni mill-Kulleġġ Pontifikali Belġjan, li jilqgħu saċerdoti mill-Belġju biex ikunu jistgħu jistudjaw f’Ruma. Il-Qdusija Tiegħu ltaqgħa magħhom fl-okkażjoni tal-175 sena mit-twaqqif tal-Kulleġġ. Huwa fakkar li l-Papa San Ġwann Pawlu II, kien boarder fil-kulleġġ meta kien saċerdot student, mill-1946 sal-1948.
Meta kien qed jitkellem mas-saċerdoti, lejliet il-festa ta’ San Ġużepp, fis-Sena ddeikata lilu, li huwa wkoll il-patrun tal-Kulleġġ, il-Qdusija Tiegħu rrifletta fuq il-Ħarries tar-Redentur bħala mudell tar-rgħajja. “Ikun ta’ ġid li tpoġġu lilkom infuskom u l-vokazzjoni tagħkom taħt il-mant tiegħu u li titgħallmu mingħandu l-arti tal-paternità, li dalwaqt se tesiġu biex teżerċitawha fil-komunitajiet u fl-oqsma w servizzi ministerjali li se jiġu fdati f’idejkom,” qal il-Papa lill-grupp preżenti.
Il-Papa qal li “San Ġużepp huwa missier li jilqa’”, li warrab il-pjanijiet personali leġittimi tiegħu u ħabb u laqa’ lil Marija u lil Ġesù bil-fidi, f’viżjoni ta’ ħajja ta’ familja pjuttost differenti minn dak li xtaq li jkollu. F’dan ir-rigward, huwa surmast tal-ħajja u tad-dixxerniment spiritwali, li jilqa’ dak li jiġri fil-ħajja. Minflok ma jimponi l-ideat u l-pjanijiet personali tiegħu, s-saċerdot meta jasal f’parroċċa ġdida għandu l-ewwel iħobb il-komunità b’mod ħieles.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li San Ġużepp għex il-vokazzjoni w l-missjoni tiegħu ta’ missier, li bl-umiltà, fis-skiet u b’fedeltà totali għall-pjanijiet t’Alla. B’hekk sar il-qaddej tajjeb u fidil li xtaq biss il-ġid u l-hena tan-nies fdati lilu. Bħala ragħaj, qal il-Papa, s-saċerdot dejjem irid joqgħod mal-merħla tiegħu, xi kultant quddiem biex jiftaħ it-triq, xi kultant fin-nofs biex iħeġġeġ, jew wara biex jiġbor lil tal-aħħar.
San Ġużepp huwa wkoll missier li joħlom, iżda mhux bħal wieħed b’rasu fis-sħab, maqtugħ mir-realtà. B’ħarsa profetika, Ġużeppi jaf iħares lil hinn minn dak li jara u jagħraf il-pjan t’Alla. Billi ħares il-fraġilità tal-Bambin Ġesù u t’ommu, l-Papa Franġisku qal li San Ġużepp sar strument għat-twettiq tal-pjan t’Alla, fis-skiet u fil-ġenerożità bla heda tiegħu.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-francis-belgian-college-saint-joseph-priests-pastors.html