Kull konfessur għandu jifhem li huwa midneb, maħfur minn Alla, u qiegħed hemm biex joffri lil ħutu – lill-midinbin – l-istess ħniena w maħfra divina li hu rċieva, qal il-Papa Franġisku. “Jekk jogħġobkom, il-qrar, m’għandux ikun tribunal, eżami tal-iskola; kunu missirijiet ħanina, aħwa”, l-Papa qal lil grupp ta’ seminaristi, saċerdoti ġodda u lis-saċerdoti li jagħtu servizz tagħhom tal-qrar fil-bażiliċi ewlenin ta’ Ruma.
Il-Papa għamel ir-rimarki tiegħu fis-sala Pawlu VI, lil dawk li pparteċipaw f’kors ta’ formazzjoni ta’ ġimgħa li jkun offrut kull sena mill-Penitenzerija Appostolika, li tittratta kwistjonijiet ta’ kuxjenza u tikkoordina x-xogħol tal-konfessuri fil-bażiliċi ewlenin ta’ Ruma. Minħabba l-pandemija, dan il-kors sar online, li kien ifisser li kważi 900 saċerdot u seminaristi qrib l-ordinazzjoni minn madwar id-dinja setgħu jieħdu sehem – aktar mill-500 tas-soltu meta l-kors isir Ruma.
Il-Qdusija Tiegħu qal li t-tifsira tas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni hija espressa billi tabbanduna lilek nnifsek għall-imħabba t’Alla, li tħalli lilek nnifsek tinbidel f’dik l-imħabba, biex imbagħad tkun tista’ taqsamha flimkien mal-ħniena ma’ ħaddieħor. “L-esperjenza turi li kull min ma jabbandunax ruħu għall-imħabba t’Alla jispiċċa, llum jew għada, jabbanduna lilu nnifsu, fejn jispiċċa ‘f’tgħannieqa’ ta’ mentalità tad-dinja, li twassal għal imrar, dwejjaq u solitudni,” qal il-Papa. Allura, l-ewwel pass biex tkun konfessur tajjeb, qal l-Isqof ta’ Ruma, huwa li tifhem b’att ta’ fidi lil dak il-penitent li qiegħed quddiemek u li qed jabbanduna lilu nnifsu jew lilha nnifisha għal ħniena t’Alla.
Il-liġijiet jew ir-regoli ma jsalvawx l-erwieħ tan-nies, hija l-imħabba unika u li ma titkejjilx t’Alla li tagħmel l-affarijiet kollha ġodda, allura l-penitent waqt il-konfessjoni jeħtieġ li jiltaqa’ ma’ “raġġ ta’ din l-imħabba li tilqa’”. Il-Papa żied jgħid, li konfessur tajjeb jindika din it-triq, li tħobb lil Alla teħtieġ imħabba konkreta għal ħaddieħor.
Madankollu, l-ingredjent essenzjali tal-konfessuri kollha huwa li jkunu jafu li huma wkoll midinbin u li ġew maħfura, “u jekk xi wieħed minna ma jħossux hekk, huwa aħjar li ma jagħtiex is-servizz tiegħu tal-qrar”. Il-konfessuri għandhom iservu b’mod li juru li huma ltaqgħu mal-imħabba mirakoluża t’Alla u bidlitilhom ħajjithom.
Huwa tenna t-twissija frekwenti tiegħu kontra l-konfessjoni li ssir forma ta’ tortura u kontra li tistaqsi “mistoqsijiet indiskreti”, li tħaffer għad-dettalji, bħallikieku tipprova toħloq mill-ġdid ‘film f’rashom’. Li tkun ħanin ma jfissirx lanqas li tkun ġwejjed, imma “jfisser li tkun ħu, missier, konsolatur.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.thetablet.co.uk/news/13945/pope-tells-confessors-offer-mercy