Lectio Divina. 23 Ħadd. Sena “Ċ”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (14, 25-33): Wara li waqaf għand il-Fariżew għall-pranzu, Ġesu llum narawh ikompli triqtu għal Ġerusalem. Kotra kbira ta’ nies imxew ma’ Ġesu.  Fuq dan, Ġesu narawh imħasseb: “Imma dawn kollha fehmu tassew x’jinvolvi dak li qed nitlob jien?”

Din il-mistoqsija tajjeb li nagħmluha wkoll lill-folol tal-lum. X’uħud għadhom fil-Knisja għax forsi ma ppreżentajniex il-Vanġelu kif inhu, u benġilnieh ftit għax moħħna kien aktar fin-numru ta’ membri milli fil-kwalita’?   Oħrajn fehmu sew l-impenn, iddarsu u telqu mill-Knisja imħabba f’hekk, jew għal xi raġuni oħra? Dan biex ma nwaħħlux biss fis-sekulariżmu u paganiżmu. Għalhekk Ġesu, biex jiċċara l-proposta tiegħu, idur lajn il-folla (u lejna) u jgħid:

  1. “Min jiġi għandi, ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lill-missieru….” Ninnutaw li ma jgħidx “jiġi warajja” imma “jiġi għandi.”  Ġesu huwa l-bniedem it-tajjeb, il-bniedem is-sabiħ. Imma wieħed ma jistax jifforma parti mid-dinja l-ġdida tiegħu fuq hekk biss. Jiħtieġ inpenn serju.  Dan bħal ġuvni li jinġibed lejn tfajla imħabba d-dehra tagħha u kif iġġib ruħha.  Imma dan mhux biżżejjed biex taqsam imħabbitha u ħajjitha miegħu. Jiħtieġ inpenn serju lil xulxin miż-żewġ naħat. Ġesu għadu jgawdi ħafna simpatija. Ħafna jmorru għandu biex jitolbuh xi grazzja. Għalkemm s’hawn m’hemmx impenn li se “jimxu warajh” bħala dixxipli, xorta hi ħaġa tajba għax hi l-ewwel pass. Anki għall-ewwel id-dixxipli nġibdu lejh għax ħasbu li se jikseb suċċess kbir bħala mexxej. Ġesu jilqa’ lil kull min imur għandu, imma mbagħad jistiednu għad-dixxipulat. Dan jinvolvi mħabba ta’ għarusa għall-għarus tagħha, i.e. impenn sħiħ fil-proġetti tiegħu. Għarus jista’ jaħbi xi ħwejjeġ mill-għarusa biex jidher ħelu. Ġesu hu ċar li, f’dak li se jitlob, int trid jew taċċetta kollox jew xejn. Jiħtieġ ninterpretaw sew kliem Ġesu, għax qabel kien hemm min jgħid li Ġesu ried lid-dixxipli jiċċaħħdu minn kollox, anki dak li hu tajjeb, u għandhom ikunu dejjem imdejqin. Għal kuntrarju Ġesu iridhom dejjem ferħanin f’kollox. Imma biex jaslu għal dan iridu jagħmlu għażliet kuraġġjużi. Illum l-impenn ta’ mħabba m’għadux “sakemm il-mewt tifridna” imma sal-ewwel ġlieda jew disgwid. Ġesu jrid l-oppost: impenn sħiħ u serju. Hawn min l-anqas jiżżewweġ għax jibża’ mir-rabta.  Ġesu qed jipprietka l-oppost ta’ dan: impenn serju u sħiħ.
  2. “Id-dixxiplu jrid iħobbni aktar mill-ġenituri …”  Dis-sajjetta fil-bnazzi għandhom bżonnha l-Insara tal-lum biex iqumu mill-bruda u milli qed jieħdu kollox “for granted.” Sfortunatament xi predikaturi jevitaw dad-diskors għax jibżgħu li jgerrxu n-nies. Imma n-nies aktar jitgerrxu meta ma nkunux ċari magħhom x’qed jitlob Ġesu. Kliemu jixxokkja meta jgħid “tobgħod lill-ġenituri..” Imma din espressjoni semitika li tfisser “tħobb inqas” (Ara Dewt 21), bħal iben li jiżżewweġ u jħobb lil martu b’qalbu kollha. Xorta jibqa’ jħobb u jirrispetta lill-ġenituri u qraba daqs qabel, imma issa dawn se jieħdu t-tieni post f’qalbu. Mela dan li qed jitlob minna llum Ġesu: meta wieħed isir dixxiplu, kollox u kulħadd irid jieħu t-tieni post. Fi żmien l-ewwel Insara, l-għaqda fil-familja kienet qaddisa u qawwija ħafna. Għalhekk il-Lhud li riedu jsiru Nsara kienu jirriskjaw li jiġu mkeċċija mill-familja u jispiċċaw bla sapport, bla sikurezza u bla eredita’. Dan ifisser tagħżel lil Ġesu. Illum ħafna Nsara trabbew b’ċerti devozzjonijiet u njoranza reliġjuża. Meta jisimgħu is-silta tal-lum, hemm bżonn jiċħdu dawn it-tradizzjonijiet jekk se jagħżlu ‘l Ġesu, anki jekk dawn kienu joffru ċerta sikurezza. Kristu se jsir il-punt ta’ riferiment tal-għażliet kollha. Hu stess tana eżempju meta ħalla ’l ommu, ‘l-qraba u Nazaret biex jifforma familja ġdida li tinkludi l-għedewwa. “Jobgħod saħansitra ħajtu” i.e. ma taħsibx aktar għalik innifsek. Il-punt ta’ riferiment ma jibqax inti nnifsek imma l-familja l-ġdida ta’ Kristu. L-għażliet kollha jridu jsiru f’sintonija miegħu.
  3. “Min ma jerfax salibu..” Terfa’ salibek ma jfissirx tistaporti bil-paċenzja t-tbatijiet u l-kuntrarju tal-ħajja imma li tkun lest għall-konsegwenzi talli tkun qiegħed fidil għall-verita’: issofri persekuzzjoni (iffissat), tgħajjir (rasek marbuta, tagħlim tan-nanniet), tiġi eskluż minn xi grupp. Xi wħud jiġu msejħa biex  jagħtu ħajjithom bħala martri, kif qed naraw anki fi żmienna. L-oħrajn ikunu jridu jagħmlu għażliet diffiċli: e.g. waqt tqala komplikata, ma tagħmilx kompromessi mal-kuxjenza, maħfra iebsa anki meta se tidher tellief u ġifa f’għajnejn in-nies. Anki l-bikkejja f’dar Ġajru daħku b’Ġesu għax qabbel il-mewt mal-irqad li minnu n-Nisrani iqum għal ħajja ta’ dejjem.
  4. (a) “Min ikun irid jibni torri..” Ġesu jgħid dil-parabbola biex, qabel wieħed jaċċettah bis-sħiħ, iwieżen sew  għal liema impenn dieħel. Jibni torri dak iż-żmien kien dak li ried jitla’ fl-għoli, ħa jidher u jilħaq ċertu stima u glorja.  Hekk Erodi bena tliet torrijiet fil-palazz ta’ Ġerusalem. Wieħed minnhom kien tant għoli (45 metru)  u sabiħ li kien meqjuż bħala meravilja. Ġesu jqabbel il-ħajja ta’ bniedem ma’ torri li jkun irid jilħaq is-sema.  Dan torri mibni fuq is-sagrifiċċji u allura mhu se jiġġarraf qatt. Għalhekk, qabel wieħed jibda jibnih, hemm bżonn li jpoġġi bil-qiegħda biex iqis kemm se jiswielu sagrifiċċji u jekk hux se jkun jiflaħ għalihom.  (b) L-istess bħar-re li jkun sejjer għall-gwerra. Jiħtieġ li bil-qiegħda jqis għandux il-mezzi u n-nies meħtieġa biex jirbaħ. Dil-parabbola tirreferi għad-dixxiplu li jrid jikkumbatti kuljum kontra l-għedewwa li hemm ġo fih: egoiżmu, regħba, kilba għall-poter, eċċ. Ġesu ma jridx jaqtagħlna qalbna, imma jridna nkunu konxji għal x’hiex dħalna, u b’hekk narmaw ruħna sew għal din it-taqtigħa iebsa. In fatti Ġesu jispiċċa d-diskors tiegħu tal-lum billi jagħti l-prezz għoli li rridu nallsu għall-bini ta’ dan it-torri: “Kull wieħed minnkom li ma jiċħadx għal ġid kollu, ma jistax ikun dixxiplu tiegħi,”  għax il-perċimes tal-għedewwa tad-dixxiplu hu l-idolu tal-akkwist u t-trekkin tal-ġid.  Min jagħmel hekk ikun bena torri tal-kartapesta li jiġġarraf malajr. Li qed jitlob Ġesu mhuwiex biex inkunu mdejqin imma ferħanin.   

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

%d bloggers like this: