Lectio Divina. 3 Ħadd. Sena “Ċ”

Vanġelu (1, 1-4; 4, 14-21): Biex iżomm mal-użanza tal-kittieba ta’ żmienu, Luqa jibda r-rakkont tiegħu bi prologu. Isemmi lil Teofilus li aktarx kien Nisrani sinjur li ffinanzja dal-proġett. Luqa jgħid li, għalkemm kien hemm oħrajn li kitbu fuq x’għamel u x’qal Ġesu, hu wkoll ried jikteb bil-metodu tiegħu, “ħaġa wara l-oħra”, u jniżżel biss fatti konkreti u mhux qlajjiet u għidut ieħor li kienu jiċċirkulaw dak iż-żmien.

Luqa, bħalna, qatt ma ltaqa’ ma’Ġesu. Aċċetta li jsir dixxiplu meta laqa’ l-kelma ta’ Ġesu minn għand dawk li semgħuha direttament minn għandu, u saru servi tagħha billi la naqqsu u l-anqas żiedu sillaba waħda minnha. Kienu lesti wkoll jiddefendu l-verita’ tagħha akkost ta’ ħajjithom. Luqa ried jikteb il-verżjoni tiegħu biex Teofilus jagħraf sewwa il-qawwa tat-tagħlim li kien ħa, i.e. tagħlim mibni fuq blata soda. Dan ifisser li Luqa kiteb għal min diġa’ emmen, u mhux għall-pagani. Min jemmen ma jfittixx provi razzjonali.  Dan ma jfissirx li jibla’ ħafna ħrejjef qisu tifel żgħir jew adult injorant. Fuq hekk Luqa jinsisti li hemm raġunijiet validi ħafna biex wieħed jemmen. Dawn jesponihom matul ir-rakkont tiegħu kollu biex wieħed ikun jista’ jasal għal Fidi awtentika u matura. Dan jagħmlu min isir jaf lil Ġesu ta’ Nazaret sew permezz ta’ nies ta’ min jafda fuqhom (bħal Luqa) u li, għall-verita’ tal-kitbiet tagħhom, kienu lesti li jċarċru demmhom.

  1. “Ġesu ġie Nazaret fejn kien trabba.” Is-sinottiċi jqiegħdu dar-rakkont f’nofs il-ħajja pubblika ta’ Ġesu. Luqa jpoġġieh fil-bidu,  għax hawn Ġesu ħabbar il-missjoni messijanika kollha Tiegħu bħala t-twettieq tal-profezija ta’ Isaija. Fis-sinagoga l-ewwel kienet tinqara silta mit-Torah, imbagħad oħra mill-profeti li titfa’ dawl fuq l-ewwel qari.  “…waqt li beda jħoll il-ktieb” ifisser li jekk Ġesu ma jiftaħx l-Iskrittura Mqaddsa u jfehimilna, dan jibqa’ ktieb magħluq u ma jinftihemx kif suppost. Jiġifieri dejjem irridu nistudjaw l-Antik Testment fid-dawl tal-Vanġelu. “Imbagħad kebbeb il-Ktieb,” i.e. issa l-Antik Testment qeda l-funzjoni tiegħu – dik li jipprepara t-triq għad-Dawl li issa wasal. “Qagħad bil-qiegħda,” bħal kull imgħallem ieħor. In fatti “għajnejn kulħadd kienu msammrin fuqu,” għax, minn issa ‘l quddiem,  jiħtieġ li ma nisimgħu lil ħadd ħliefu.       
  2. “Din il-profezija seħħet illum.” Din inkitbet fis-sena 400 BC. meta kien hemm ħafna inġustizzji. Il-mexxejja ma kinux jieħdu azzjoni, tant li Isaija, żewġ kapitli qabel dil-profezija jikteb: “Gwardjani għomja, bħal klieb muti li ma jinbħux.”  B’dan l-isfond, Isaija jħabbar li se jiġi bniedem mimli bl-Ispirtu s-Santu li se “jwassal il-bxara t-Tajba lill-fqajrin… u jniedi sena ta’ grazzja,” i.e. jagħti bidu għal dinja ġdida bla inġustizzji. Luqa juża l-kelma “illum” diversi drabi f’mumenti kruċjali fil-ħajja ta’ Kristu. Dan huwa l-“illum” li ta bidu għal din id-dinja ġdida (“Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu”).  Għand min jasal l-Evanġelju se jkun “illum” għalihom. 
  3. Ġesu illum qed jikkonferma li wasal dak il-bniedem mimli bl-Ispirtu s-Santu li se (a) “jwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin.” X’aħbar jista’ jagħti dan lil min m’għandu xejn? Din hi l-Imħabba bla tarf tal-Missier li jagħtiha lill-bnedmin bħala rigal, i,e, li tagħha ma jitlob xejn lura, u la flus, la talb u l-anqas sagrifiċċji. Bħar-rgħajja ta’ Betlem, nies meqjusa impuri, l-aħħar tas-soċjeta’ u emarġinati, għax mingħalihom li jistħoqqilhom biss xi kastig: imma, minn tant nies, l-Anġlu lilhom biss deher: “Inħabbrilkom ferħ kbir…” i.e. minkejja d-dnubiet u d-debbolizzi tagħkom, Alla jħobbkom xorta, u jrid jarakom ferħanin.” (b) “ħelsien lill-imjassrin” i.e. dawk imxekklin bil-ktajjen u ħbula, e.g. dawk li (i) baqgħu iqisu ‘l Alla bħala mħallef sever li jikkastiga bla ħniena għax jobgħod lil min ma jħobbux; (ii) ma jistgħux jaħfru għax skjavi tal-passat; (iii) mehdijin biss bihom infushom fil-pjaċiri u egoiżmu esaġerat; (iv)  moħħhom biex ikunu moderni; (v)  marbutin mal-flus u poter.  Dawn huma l-ktajjen li ma jħallux lill-bniedem jimxi bil-liberta’ lejn ħajja ferħana.  (ċ) “Dawl għall-għomja.” Għama jimxi fid-dlam u ma jagħrafx bniedem minn annimal.  L-għomja tal-lum jirriduċu l-bniedem għal inqas minn annimal – oġġett, numru. Ġesu llum qed iħabbar li ġie biex idawwal kull bniedem, biex kulħadd jagħraf x’jiswa’ kull persuna f’għajnejn Alla, u sabiex ħadd ma jtarrax widnejh għall-karba ta’ xi proxxmu fil-bżonn. Mingħajr dan id-Dawl ma nkunux nafu ‘il fejn se nimxu, ma nkunux nistgħu nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, il-veru mill-falz. (d) “ħelsien lill-maħqurin”. Hawn Ġesu jikkwota kapitlu ieħor (58) ta’ Isaija: “Is-sawm li jogħġob ‘l Alla mhuwiex l-ilbies tal-ixkejjer u l-irmied fuq l-irjus, imma li tkisser il-madmad u toqol ieħor tas-sefturi u l-iskjavi tiegħek u ttihom il-ħelsien, titma lil min hu bil-ġuħ, tagħti kenn li min hu bla dar u tlibbes lill-għarwien. Għax kull wieħed minn dawn huwa ħuk, dak li jaqsam l-istess demm u laħam bħalek. (e) “u nniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.” Din hi s-sena, jew iż-żmien, tal-gratuwita’, i.e. dak li se jikkaratterizza l-messaġġ ta’ Ġesu ta’ Nazaret – il-gratuwita’ tal-imħabba kbira li l-Missier għandu għall-bniedem. Din l-imħabba ħadd ma jista’ jiksibha bil-ħila jew merti tiegħu,  jew iħallas għaliha b’xi mod: il-Missier Etern jagħtiha lil kull bniedem b’xejn, bħala rigal, bħala wirt. Kulma nistgħu nagħmlu biex nirreċiprokaw din l-imħabba hu li nagħmlu dak li hu l-aktar għall-Qalb tal-Missier – inħobbu lill-proxxmu tagħna kollu għax dawn huma kollha uliedu.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini