Il-Papa Franġisku u l-vittmi tal-vjolenza

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku viċin il-vittmi tal-vjolenza fin-Nofsinhar tal-Kolombja

Il-Papa Franġisku jikkundanna l-“episodji ta’ vjolenza u jesprimi l-qrubija tiegħu man-nies li qed jgħixu f’nofs tant tbatija” fir-reġjun tal-Paċifiku tal-Lbiċ tal-Kolombja. Dan huwa dak li kiteb is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, f’telegramma ndirizzata lill-president tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kolombjani l-Arċisqof Urbina Ortega ta’ Villavicencio. Il-messaġġ ifakkar ukoll “fl-impenn tal-isqfijiet, tas-saċerdoti, r-reliġjużi u l-lajċi, fit-tfittxija bla waqfien biex jinbnew rabtiet ta’ paċi fir-reġjun kollu”.

Il-Kolombja bħalissa qed tesperjenza l-agħar vjolenza li ra l-pajjiż mill-ftehim ta’ paċi tal-2016 bejn Bogota u l-grupp tal-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC), li temm nofs seklu ta’ gwerra ċivili. Skond rapport lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, f’Marzu, aktar minn 13,000 persuna ċivili fil-Kolombja, inkluż aktar minn 5,000 tifel u tifla, esperjenzaw spostament jew restrizzjonijiet fuq il-moviment tagħhom minħabba li f’Jannar u Frar kien hemm attivitajiet ta’ gruppi armati mal-pajjiż kollu.

Xi forzi gellieda rrifjutaw li jissieħbu fil-proċess ta’ paċi, u qed ikomplu l-ġlieda tagħhom, filwaqt li qed jitħalltu ma’ traffikanti tad-droga f’żoni bla liġi fil-Kolombja. Ir-ribelli dissidenti tal-FARC, il-gwerillieri tax-xellug, il-gruppi tat-traffikar tad-droga u l-para-militari tal-lemin, kollha qed jiġġieldu għall-kontroll tas-swieq, mill-qliegħ tal-kokaina u tal-minjieri illegali.

Riċentement, in-naħa tan-nofsinhar tal-pajjiż splodiet il-vjolenza. Fis-26 ta’ Marzu, għexieren ta’ persuni ndarbu f’Corinto, fid-dipartiment tal-Lbiċ tal-Kolombja, meta splodiet karozza bomba quddiem il-muniċipju, f’wieħed mill-postijiet simboliċi tal-komunità indiġena fil-Kolombja.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-04/pope-colombia-bishops-violence-parolin-telegram.html

%d bloggers like this: