Kif millum bdejna l-Ġimgħa Mqaddsa jew kif insejħulha wkoll il-Ġimgħa tal-Fidwa tagħna, ikun għaqli jekk, f’din is-sena iddedikata lill-Patrijarka San Ġużepp, inħalluh jmexxina fiha.
Mill-ħajja ta’ Ġużeppi nistgħu nisiltu ħames punti tant meħtieġa li lilna, hekk kif wasalna f’tarf ir-Randan Imqaddes u ikkargati biex niċċelebraw it-Tlett ijiem il-kbar tal-fidi tagħna, jiġifieri Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid, jistgħu jgħinuna bil-kif biex dan il-Għid ikun tassew ta’ qawmien għalina.
L-ewwel, Ġużeppi jgħallimna s-semplicità. Ma kienx iħobb jippoppa sidru ħa juri x’jaf. Lanqas kien xi showman! Li taqbdu ferneżija x’ħin jara camera! Anzi! Kien ifittex li jagħmel dak li hu sewwa għall-għajnejn tal-Mulej biss! Għalhekk, Ġużeppi kien qed jgħix minn qabel iż-żewġ sentenzi tad-deheb li Ġesù għallimna fl-evanġelju, fid-Diskors tal-Muntanja: Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom (Mt 6:1). Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet (Mt 5:16). Mela, it-talb, is-sawm u l-karità tagħna għandhom jidhru quddiem il-Mulej waħdu u mhux bihom issir taf id-dinja kollha!
It-tieni, Ġużeppi jgħallimna inqisu l-valur tax-xogħol. F’dawn il-jiem li fadal għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid nistgħu nitqaddsu bix-xogħol li nwettqu ta’ kuljum billi nwettquh b’imħabba, b’ġenerożità u bl-akbar attenzjoni. Max-xogħol nistgħu indaħħlu d-dmirijiet kollha li jitolbu minna s-sejħat differenti u kumplimentari tagħna.
It-tielet, Ġużeppi jgħinna nitħejjew għal dan il-Għid bil-mistrieħ. Nibdew bil-mistrieħ fiżiku. Kemm hu mportanti li norqdu biżżejjed! Inkella jekk ma nistrieħux kif tridna nkunu f’saħħitna ħalli nħobbu lil oħrajn? Is-saħħa mhux mill-mistrieħ tiġi? Barra minhekk, hemm bżonn li jkollna fiduċja fil-Mulej. Għax, mingħajru, kif se nkampaw? Kif jgħidilna s-Salm 127: Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, għalxejn jishar l-għassies. Ma jiswielkom xejn li tbakkru, jew li ddumu ma tistrieħu u li tieklu ħobż it-tbatija; għax sa fl-irqad hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu (S 127:1-2).
Ir-raba, Ġużeppi jgħinna nidħlu fl-Għid għax jgħallimna l-valur tal-familja. Kemm issapportjawh Ġesù u Marija f’ħajtu u fis-siegħa ta’ mewtu! Kif ninsab fir-relazzjonijiet tiegħi ma’ tal-familja? Għadni bżonn naħfer? Hemm xi imħabba li trid terġa’ titkebbes mill-ġdid? Grat/a lejn tal-familja tiegħi? Dik karità!
Fl-aħħar nett, Ġużeppi kien jgħix il-ħin kollu ma’ Ġesù u Marija. Ilni ma mmur għall-quddiesa? Meta kienet l-aħħar darba li qerrejt? Ir-Rużarju qed nitolbu kuljum? Qed inħalli lil Marija toħodni għand Ġesù?
X’għaqal hux li nħalli lil San Ġużepp jħejjini għal dan il-Għid!
Patri Mario Attard OFM Cap