12 ta’ Mejju SAN NEREW U SAN AKILLE, MARTRI
Tifkira
San Nerew u San Akille kienu suldati fil-qorti tal-maġistrati; ikkonvertew u ġew mgħammda fil-fidi ta’ Kristu; minnufih wara li tgħammdu telqu dan ix-xogħol, u għalhekk qatgħuhielhom għall-mewt, aktarx fi żmien l-imperatur Djoklezjanu. Il-qabar tagħhom jinsab fiq-ċimiteru ta’ Domitilla, fit-triq Ardeatina, Ruma fejn aktar tard inbniet bażilka ddedikata għalihom.
Lezzjoni II
Qari mid-Diskorsi tal-isqof Santu Wistin fuq is-salmi
(Enarr. in Ps. 61:4) –
It-tbatijiet ta’ Kristu mhumiex fi Kristu waħdu
Ir-ras u l-ġisem tagħha jagħmlu bniedem wieħed. Ġesu Kristu, is-salvatur tal-ġisem, flimkien mal-membri tal-ġisem tiegħu, huma tnejn f’ġisem wieħed, f’leħen wieħed, fi tbatija waħda; u meta jintemm il-ħażen ikunu t-tnejn f’mistrieħ wieħed. Għalhekk it-tbatijiet ta’ Kristu mhumiex fi Kristu waħdu; anzi t-tbatijiet ta’ Kristu mhumiex ħlief fi Kristu.
Jekk bi Kristu tifhem ir-ras u l-ġisem, it-tbatijiet ta’ Kristu mhumiex ħlief fi Kristu; jekk imbagħad bi Kristu tifhem ir-ras weħidha, allura t-tbatijiet ta’ Kristu mhumiex fi Kristu waħdu. Għax jekk it-tbatijiet ta’ Kristu huma fi Kristu waħdu, jiġifieri fir-ras weħidha, kif seta jgħid San Pawl, wieħed mill-membri: Jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu?
Jekk mela int wieħed mill-membri ta’ Kristu, int min int li qiegħed tisma’, u int ukoll li bħalissa m’intix tismagħni (imma tisma’ int ukoll, jekk int wieħed mill-membri ta’ Kristu), jekk issofri tbatijiet minn dawk li mhumiex membri ta’ Kristu, dawn ukoll huma tbatijiet li jonqsu mit-tbatijiet ta’ Kristu.
Għalhekk timla fejn hu nieqes; u timla, mhux tfawwar u tbidded; m’intix se tbati iżjed mis-sehem ta’ tbatijiet li jmissek tagħti għat-tbatijiet kollha ta’ Kristu, li bata
fir-ras tagħna, u qiegħed ibati fil-membri tiegħu, jiġifieri fina.
Biex ngħid hekk, aħna lkoll qisna ninsabu fi stat wieħed fejn kull wieħed minna jħallas dak li għandu jagħti skond il-mod tiegħu, bħallikieku tajna sehemna skont ma nifilħu permezz tat-tbatijiet tagħna. Iżda l-milja kollha ta’ tbatijietna ma sseħħx għalkollox ħlief tmiem id-dinja.
Mela, ħuti, tinsewx: ħafna nies ġusti sofrew persekuzzjoni mill-ħżiena, ukoll fost dawk li Alla bagħathom fl-imgħoddi biex iħabbru l-miġja tal-Mulej qabel ma twieled Kristu; u dawn huma kollha membri ta’ Kristu, għax ma jistax ma jkunx membru ta’ Kristu min hu ċittadin tal-belt li Kristu hu s-sultan tagħha.
Għalhekk il-belt kollha ssemma leħinha, ibda mid-demm ta’ Abel il-ġust sad-demm ta’ Żakkarija,u mbagħad mid-demm ta’ Ġwanni, u kompli bid-demm taI-Appostli, bid-demm tal-martri, bid-demm tal-fidili ta’ Kristu. Hi belt waħda, leħen wieħed.
RESPONSORJU Apok 21:4; 7:16 ,(Iż 49:10)
1. Alla jixxotta kull demgħa minn għajnejn il-qadddisin tiegħu; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, * Għax għabu
l-ħwejjeġ ta’ qabel, ħallelujah.
2. Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma. * Għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel, hallelujah.
Talba
0 Alla li tista’ kollox, aħna nafu b’liema qawwa stqarrewk il-martri glorjużi San Nerew u San Akille: agħmel li huma jidħlu għalina quddiemek bit-talb qaddis tagħhom. B’Ibnek.