Lezzjoni II: San Pankrazju

Print Friendly, PDF & Email

Fl-istess jum 12 ta’ Mejju SAN PANKRAZJU MARTRI

TIFKIRA

Ftit li xejn nafu fuq dan il-qaddis. Skond tradizzjoni  antika Rumana, San Pankrazju twieled fi Friġja (Asja Minuri), u fi tfulitu tilef il-ġenituri tiegħu.

Ta’ erbatax-il sena, mar Ruma ma’ zijuh. Dawn ikkonvertew u tgħammdu u ta’ dan tilfu ħajjithom fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu. Pankrazju baqa’ magħruf tal-kuraġġ u l-erojiżmu tiegħu minkejja l-età żgħira. Kien għad għandu biss erbatax-il sena meta sofra l-martirju ta’ qtugħ ir-ras fis-sena 304.

Il-fdalijiet tiegħu indifnu fiċ-ċimiterju ta’ Calepodius f’ Via Aurelia fejn inbniet bażilika fuq il-qabar tiegħu minn Papa San Simmaku fis sena 508.

LEZZJONI II

Qari mid-Diskorsi ta’ San Bernard, abbati

(Sermo 17 in psalmum- Qui habitat, 4:6)

Miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu

Miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, jgħid Alla; mela kif se nfittex xi ħaġa oħra ħlief id-dwejjaq? Jien l-hena tiegħi li nkun qrib Alla, u mhux dan biss, imma wkoll f ’Sidi l-Mulej qegħidt * il-kenn tiegħi, għaliex qal, neħilsu u nerfagħlu ġieħu.

Miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu. Nitgħaxxaq bil-bnedmin, qal. Għimmanu-El, magħna hu Alla. Niżel fostna, biex ikun qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, biex ikun magħna fid-dwejjaq tagħna. Dan iseħħ meta ninbelgħu fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-arja u hekk inkunu mal-Mulej għal dejjem, jekk issa, sakemm għadna hawn, infittxu li nżommuh magħna, biex jissieħeb magħna fit-triq sad-dar fejn għad iwassalna. Anzi hu stess għad ikun id-dar tagħna, jekk issa nagħżluh bħala t-triq tagħna.

Mela sakemm tkun miegħi int, Mulej, aħjar għalija d-dwejjaq milli nsaltan mingħajrek, nifraħ mingħajrek, nitfaħħar mingħajrek. Aħjar għalija, Mulej, li nkun imdejjaq imma mħaddan miegħek, aħjar inkun fin-nar imma bik miegħi, milli nkun mingħajrek imqar fis-sema: għax ‘lil min għandi fis-sema ħliefek? Bik miegħi fuq l-art xejn ma jonqosni. Ix-xogħol tal-fuħħar jiġġarrab bin-nar; il-prova tal-bniedem qiegħda fit-tħassib tiegħu, fid-dwejjaq tiegħu. Hemmhekk, Mulej; hemm int miegħu; fejn hemm bnedmin bħal dawn miġbura f’ismek, hemm int ukoll f’nofshom kif darba kont mat-tliet żgħażagħ fil-ħuġġieġa tan-nar.

X’inhu jbeżżagħna, x’inhu jżommna, x’inhu jreġġagħna lura minn din il-ħuġġieġa? Ħa jħeġġeġ in-nar, imma l-Mulej magħna fid-dwejjaq tagħna.  Jekk Alla magħna, min jista jkun kontra tagħna? U kieku kellu jeħlisna, min se jaħtafna minn taħt idejh? Min se jeħles minn taħt idejh? U fl-aħħarnett, jekk hu jrid jimliena bil-ġieħ, min jista’ jwaqqagħna fl-għajb? Jekk irid ikabbarna bil-ġieħ, min jista’ jċekkinna?

B’għomor twil nimlieh. Qisu jrid ifisser: Naf x’inhi x-xewqa tiegħu, x’inhu l-għatx tiegħu, x’inhi l-fehma tiegħu. Ma għandux f’moħħu d-deheb jew il-fidda, anqas xi hena jew ġibda jew ġieħ ta’ din id-dinja. Dan kollu jgħoddu bħala telf, kollu jmaqdru u jgħoddu bħala knis. Huwa tneżża’ minn kollox, għax jaf li xejn minn dawn il-ħwejjeġ ma jista’ jimlieh, u mhux se jħallihom jeħdulu rasu. Jaf tajjeb ta’ min hi x-xbieha li ssawwar fuqha,jaf x’kobor jista’ jilħaq, u mhux se jistabar li jkun kbir fil-ħwejjeġ iż-żgħar, biex imbagħad ikun ċkejken f’ħwejjeġ tassew kbar.

Mela b’għomor twil nimlieh lil dak li ma jistax jiġi f’tiegħu jekk mhux bid-dawl tassew, u xejn ma jista’ jimlieh jekk mhux dak li hu etern; għax dan l-għomor twil ma għandux tmiem, dan id-dawl ma jgħibx, u din il-milja ma ddejjaqx.

RESPONSORJU

1. Dan il-qaddis tqabad sal-mewt għal-liġi ta’ Alla tiegħu, u ma beżax mit-tehdid tal-ħżiena: * Għax hu kien mibni fuq il-blat hallelujah.

2. Huwa maqdar il-ħajja tad-dinja u kiseb is-saltna tas-sema. * Għax kien mibni fuq il-blat, hallelujah.

Talba

Tifraħ il-Knisja tiegħek, o Alla, b’qalbha qawwija li l-martri San. Pankrazju jidħol għaliha quddiemek: agħmel li, bit-talb glorjuż tiegħu, hija tibqa’ dejjem sħiħa u marbuta miegħek. B’Ibnek.

%d bloggers like this: