Postulatur ġdid għall-kawża ta’ Henry u Inez Casolani

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Patri Josef Sciberras osa bħala l-postulatur għall-kawża ta’ beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-koppja Henry u Inez Casolani.

Patri Josef Sciberras twieled tal-Pietà fl-1975, u huwa mill-Fgura. Fl-1992 daħal fil-komunità Agostinjana, fejn wara is-sena tan-novizzjat għamel l-ewwel professjoni tal-voti reliġjużi. Fl-1999 għamel il-professjoni solenni u rċieva l-ordinazzjoni presbiterali fil-Ġublew tas-sena 2000. Diversi huma l-ħidmiet li eżerċita fil-Provinċja Agostinjana ta’ Malta: Pirjol tal-kunvent tar-Rabat u Surmast tal-Formazzjoni tal-kandidati għal-ħajja reliġjuża Agostinjana, Segretarju u Arkivista Provinċjali, delegat provinċjali għall-patrimonju kulturali agostinjan, responsabbli mit-traduzzjoni tal-liturġija Agostinjana fl-ilsien Malti.

Wara l-istudji filosofiċi u teoloġiċi fl-Università ta’ Malta, fl-1999 intbagħat ikompli l-istudji fl-Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma sabiex jispeċjalizza fl-istorja tal-Knisja. Wettaq ukoll studji fl-iScuola Archivistica Vaticana. Fis-sena 2011 inħatar ko-editur tar-rivista storika internazzjonali Analecta Augustiniana. Fis-sena 2012 il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan ħatru bħala Postulatur Ġenerali għall-kawżi tal-qaddisin tal-familja Agostinjana. Fl-2015 inħatar ukoll bħala segretarju tal-Institutum Historicum Augustinianum. Attwalment jagħmel parti mill-komunità tal-Kurja Ġeneralizja tal-Ordni ta’ Santu Wistin f’Ruma.

Fost il-kawżi li qed imexxi bħalissa hemm dawk tal-Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani, lajċi u terzjarji Agostinjani. Bil-għajnuna tal-viċi postulatur Anton Quintano, il-kawża tinsab miexja fil-fażi djoċesana fejn qed jinġabru l-provi meħtieġa sabiex jintbagħtu Ruma għall-istudju tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin.

Leave a Reply