18 ta’ Mejju SAN ĠWANN I, PAPA U MARTRI
Tifkira
San Ġwann twieled fit-Toscana u sar Papa fis-sena 523. Intbagħat Kostantinopli għand l-imperatur Ġustinu bħala legat tas-sultan Arjan Teodoriku bil-għan li jqarreb lejn xulxin il-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent; meta reġa’ lura, is-sultan laqgħu ħażin ħafna għax ix-xogħol li għamel ma għoġbux; tefgħu l-ħabs f’Ravenna, fejn miet fit-18 ta’ Mejju tas-sena 526.
LEZZJONI II
Qari mill-Ittri ta’ San Ġwann ta’ Avila, saċerdot
(Epist. ad amicos, 58,)
Biex il-ħajja ta’ Ġesu tidher
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Hu jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla
jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f‘kull xorta ta’ dwejjaq. Bħalma joktru fina s–sofferenzi ta’ Kristu, hekk ukoll permezz ta’ Kristu joktor fina l-faraġ.
Dan il-kliem huwa ta’ l-appostlu San Pawl. Tliet darbiet tawh is-swat bil-virgi, ħames darbiet qala’ l-erbgħin daqqa neqsin waħda, darb’oħra ħaġġruh, telquh għal mejjet, għadda minn kull xorta ta’ persekuzzjoni, bata u tħabat b’kull mod, u mhux darba u tnejn, iżda kif qal hu xi mkien iaħor: Ninsabu dejjem mogħtija għall–mewt minħabba f’ Ġesù, biex ukoll il-ħajja ta’ Gesù tkun tidher fil-ġisem tagħna.
F’dawn id-dwejjaq kollha ma jgergirx, ma jistaqsi xejn lil Alla, kif jagħmel min hu dgħajjef; ma jsewwidx qalbu, kif jagħmel min ifittex il-glorja u l-hena; ma jitlobx
bil-ħerqa ’l Alla biex jeħilsu, kif jagħmel min ma jafx is-siwi tat-tbatija u għalhekk ma jridhiex fuqu; anqas ma jwarrabhom bi stmellija, kif jagħmel min ma jagħrafx
prezzhom. Għalkemm Pawlu ma jafx għalfejn Alla qed iħallih ibati, għalkemm iħoss ruħu dgħajjef fit-tbatija, b’danakollu fid-dwejjaq kollha tiegħu jbierek lil Alla, iroddlu ħajr bħallikieku ta’ xi premju kbir, u jqis ruħu b’hieni li jista’ jbati xi ħaġa għall-ġieħ ta’ Kristu. Għax Kristu wkoll bata ħafna għajb għalina, biex jeħlisna mill-għajb tad-dnub, jagħtina l-ispirtu tiegħu u jagħmilna wlied adottivi ta’ Alla. Bih u fih, Alla tana r-rahan u s-sinjal tal-hena tas-sema.
Ħuti l-aktar għeżież! Jalla l-Mulej jiftħilkom għajnejkom, biex taraw xi ħlas kbir jagħtina għat-tbatijiet li d-dinja tmaqdarhom, b’liema ġieħ iżejjinna meta d-dinja
żżeblaħna għax infittxu I-glorja tiegħu, liema sebħ qiegħed jerfgħalna għal wara d-dwejjaq ta’ issa, b’liema żegħil u ħbiberija ħelwa jiftħilna dirgħajh biex jilqagħna għandu wara d-daqqiet li nkunu qlajna fit-taqbid tagħna għalih. Bla dubju ta’ xejn, Alla jimliena b’tant ħlewwa li jnessina l-imrar kollu li t-taħbit jista’ jisqina. Jekk aħna nduqu l-ħlewwa ta’ din it-tħaddina ta’ Alla, kemm konna nixtiquha iżjed! Min ma jixtieqx lil dak li hu ta’ min iħobbu u ta’ min jixtiequ kollu kemm hu? Kulħadd jixtiequ, barra dak li ma jaf jixtieq xejn.
Mela jekk jogħġbukom dawn il-ħwejjeġ hekk sbieħ li Alla jaf jagħmel magħna, jekk tixtiequ tarawhom fuqkom u tgawduhom, kunu afu li ma hemmx triq oħra
aħjar mit-tbatija. Din hi t-triq li minnha għaddew Kristu u ħbiebu kollha. Kristu jsejħilha t-triq id-dejqa, imma tieħu dritt għall-ħajja. Dan hu t-tagħlim tiegħu, biex jekk nixtiequ naslu għandu, naqbdu t-triq li mexa hu. Għax anqas hu xieraq li wlied il-bnedmin iftttxu t-triqat tal-foħrija meta Bin Alla mexa t-triq tat-tmaqdir: għax id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu, anqas il-qaddej ma hu aqwa minn sidu.
Jagħmel Alla li qalbna ma ssibx mistrieħ ieħor, u ma tfittixx għajxien ieħor f’din id-dinja, ħlief fit-taħbit għas-salib tal-Mulej.
RESPONSORJU 2 Kor 4:11. 16
1. Aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f ’Ġesu, * Biex ukoll il-ħajja ta’ Ġesu tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut hallelujah.
2. Jekk il-ġisem jintemm, aħna kuljum niġġeddu fl-ispirtu minn ġewwa. * Biex ukoll il-ħajja ta’ Ġesu tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut, hallelujah.
Talba
O Alla, li tippremja l-fidili tiegħek, int qaddist dan il-jum bil-martirju tal-Papa San Ġwann; aħna u nagħtuh ġieħ għall-merti tiegħu, nitolbuk biex aħna, il-poplu tiegħek, inkunu bħalu qawwija sal-aħħar fil-fidi. B’Ibnek.