Kien jum il-festa tad-duluri. U, minn filgħodu kmieni l-Mulej tani l-grazzja li ndur dawra maċ-Ċentru tal-Onkoloġija kollu biex min riedni għall-qrar isibni proprju ħdejh u ħdejha, nistennieh u nistennieha. Insomma, immorru għand in-nies kif iridna Ġesù u l-Papa Franġisku. Mhux hekk?
Mela nidħol f’sala. Insellem u inkellem lin-nies. Ma’ dak li ltqajt miegħu, il-Mulej mill-ewwel urieni li dakinnhar kien hemm xi persuni li kienu lesti biex imorru d-dar. Li tkun iċ-Ċentru u tmur id-dar dejjem hi kisba kbira! Għax x’hemm isbaħ milli tqatta’ il-ħin ma’ tal-familja! Niftakarha lesta! Imħejjijha biex tmur għand l-għeżież tagħha. U, kif ratni, b’dik it-tbissima tipika tagħha, qaltli: Sejra d-dar!
Fraħt magħha! U qabiżitli d-dmugħ! Għax tifraħ hux tara lil dawn ħutna sejrin lura d-dar. Lejn ir-rutina ta’ ħajjithom. Lejn il-post ta’ mħabba li fih ikunu qegħdin jikbru. U, f’dak il-mument, f’qalbi, il-Mulej għallimni din il-ħaġa ferm sabiħa: Xi ġmiel li mmur fejn tassew nappartjeni! Fejn inħossni f’dari! Fejn inħossni komdu u komda! Fejn naf min jien!
Illum, is-solennità tal-Għid, tafu li hu dan il-ferħ ta’ din il-mara li ġie quddiem għajnejja? Dak il-ferħ li jfakkarni li l-ferħ veru tiegħi hu dak li nerġa’ immur lura d-dar? Għand Missieri? Fil-post tal-ferħ u l-hena tiegħi? Hemm post aqwa minn dan ħbieb? Fejn l-imħabba letteralment tħossha b’idejk? Fejn tħossok imfarraġ u imfarrġa? U mħares u mħarsa? Hemm post fejn tista’ tgħid li hu tabilħaqq darek fejn il-kuxjenza tiegħek tkun mistrieħa? Fejn fik ma jkunx hemm qsim u lanqas mrar? Anzi! Fejn ġewwa fik tħossok sħiħ u sħiħa?
Mhux għand Missierna irridu mmorru? Fejn mar qabilna Kristu Rxoxt? Tant li bħalissa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla l-Missier, kif nistqarru kull nhar ta’ Ħadd fil-Kredu? Xi sbuħija li tkun mal-Missier tagħna tas-Sema? Li tiekol il-kirxa miegħu? Li tkun ħobż u sikkina miegħu? Li toqgħod f’daru minn filgħodu sa filgħaxija? Li daru issir darek? U ħajtu issir l-istess ħajtek? Hemm, fil-fatt, imħabba aqwa minn din?
Illum ngħid miskin u miskina min lill-Mulej jabbandunah u tabbandunah! Għax jispiċċa u tispiċċa letteralment waħdu u waħedha. Iltim u iltima. Ftit huma l-ħbieb li jistgħu jibqgħu miegħek. U f’ċertu punt ħadd ma jista’ ikun miegħek għax Alla biss irid ikun! Hu biss jista’ ikun magħna l-ħin kollu!
Għalhekk, f’dan il-Għid, ħa nagħmel tiegħi t-talba sabiħa minn Salm 80: Reġġagħna għal li konna, Alla ta’ l-eżerċti itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi (S 80:4)! Sejjer/sejra d-dar!
Patri Mario Attard OFM Cap