20 ta’ Mejju: SAN BERNARDINU TA’ SIENA, SAĊERDOT
TIFKIRA
San Bernardinu twieled f’familja nobbli u sinjura f’Massa Marittima fit-Toscana fit-8 ta’ Settembru fl-1380. Daħal mal-Patrijiet Minuri u ġie ordnat saċerdot. Kien predikatur popolari u effettiv li ħadem kemm felaħ biex jikkonverti lill-midinbin. Xerred ħafna d-devozzjoni lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù. Ħadem bis-sħiħ biex iħeġġeġ fl-Ordni tiegħu l-imħabba għall-istudju u d-dixxiplina. Kiteb ukoll kotba ta’ teoloġija. Miet fl-20 ta’ Mejju, 1444 f’Aquila fl-età ta’ 64 sena. Ġie kkanonizzat mill-Papa Nikola V, fl-24 ta’ Mejju, 1450. Fl-1957 il-Papa Piju XII ħatru patrun tal-predikaturi Taljani.
LEZZJONI II
Qari mid-Diskorsi ta’ San Bernardinu ta’ Siena, saċerdot
(Sermo 49, De glorioso nomine Iesu Christi, cap. 2)
L-isem ta’ Gesù hu d-dija tal-predikaluri
L-isem ta’ Ġesù hu d-dija tal-predikaturi, għaliex b’dawl qawwi jagħmel li l-kelma tiegħu tixxandar u tinstema’. Minn fejn taħseb li ġie dak id-dawl hekk kbir tal-fidi li f’daqqa waħda xtered u tħeġġeġ fid-dinja kollha, jekk mhux mix-xandir tal-Isem ta’ Ġesù? Ma kienx forsi bid-dawl u l-ħlewwa ta’ dan l-Isem li Alla sejħilna fid-dawl tiegħu tal-għaġeb? Aħna konna mdawlin bih, u fid-dawl tiegħu rajna d-dawl, u għalhekk San Pawl bil-ħaqq kollu jgħid: Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; imxu ta’ wlied id-dawl li intom.
Jenħtieġ mela li dan id-dawl mhux jinħeba, imma jixxandar biex idawwal. Fix-xandir tiegħu ma għandux jitlissen minn min għandu qalbu maħmuġa u fommu
mniġġes, iżda jrid ikun imħares f’ruħ magħżula u jinħareġ minnha.
Kien għalhekk li l-Mulej qal dawn il-kelmiet għall-Appostlu tiegħu: Dar-raġel hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s–slaten u quddiem ulied Iżrael. Għadda magħżula, mezz, li jaqdik tajjeb, bħal meta jkollok flixkun ta’ ħġieġ fin, mimli xorb mill-aħjar għall-bejgħ, u tqiegħdu fejn jidher, biex in-nies tarah iħammar u jleqq fil-ħġieġ fin u titħajjar għalih; biex iwassal Ismi qal. Bħal meta jaħartu r-raba’ u jaħarqu x-xewk u l-għollieq niexef li ma jiswa għal xejn; jew bħal meta titla’ x-xemx li bir-raġġi tagħha tkeċċi d-dlamijiet, u jmorru jinħbew il-ħallelin u n-nies li jiġġerrew fil-ljieli u dawk li jinfdu djar ħaddieħor; hekk l-ilsien ta’ Pawlu, meta kien jippriedka lill-popli, kont tistħajlu l-ħoss ta’ ragħda qawwija, jew ħuġġieġa ta’ nar jew xemx tielgħa u tisreġ, u malajr kien jgħaddi n-nuqqas ta’ fedeltà, jgħib il-qerq, u l-verità kienet tiddi b’dawl qisu ta’ nar imħeġġeġ li jdewweb ix-xemgħa.
Hu kien ixerred l-Isem ta’ Ġesù madwaru minn kull fejn jgħaddi, bil-kliem, bil-kitba, bil-mirakli u bl-eżempji tiegħu. Kien ifaħħar l-Isem ta’ Ġesù bla heda, jistqarru u jroddlu ħajr.
Fuq kollox l-Appostlu wassal dan l-Isem quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael, wasslu qisu dawl biex idawwal l-artijiet, u kullimkien kien jgħajjat u
jgħid: Il-lejl għoddu għadda u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl. Ngħixu kif jixraq, bħal bi nhar. U kien juri lil kulħadd il-musbieħ jixgħel u jaqbad fuq l-imnara billi jxandar kullimkien lil Gesù, u lil dan imsallab.
Għalħekk il-Knisja Għarusa ta’ Kristu, bl-għajnuna tax-xħieda tiegħu, tifraħ mal-Profeta u tgħid: 0 Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni; u jien għadni nxandar l–għeġubijiet tiegħek sa issa, jiġifieri dejjem. Il-Profeta jistedinna biex nagħmlu dan aħna wkoll u jgħid: Għannu lill-Mulej, bierku ismu! Ħabbru minn jum għall-ieħor is-salvazzjoni tiegħu, jiġifieri, ħabbru lil Ġesù, is-Salvatur tagħna.
RESPONSORJU : Sir. 51:12; Salm 9:3
1. Jien niżżi ħajr lil Alla u nfaħħru, *U nbierek isem il-Mulej, hallelujah.
2. Nifraħ u nithenna bik; ngħanni lil ismek, int Alla l-Għoli. * U nbierek isem il-Mulej, hallelujah.
Talba
O Alla, int żrajt imħabba li ma bħalha lejn l-isem imqaddes ta’ Ġesù fis-saċerdot San Bernardinu ta’ Siena: agħtina li bil-merti u t-talb tiegħu, nitkebbsu dejjem bl-ispirtu ta’ mħabbtek. B’Ibnek.