Omelija mill-Isqof Anton Teuma fil-Pontifikal Solenni ta’ San Ġorġ

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 23 ta’ April 2021.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma waqt il-Pontifikal fis-Solennità liturġika ta’ San Ġorġ Martri fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria, Għawdex …

Omelija fis-Solennità liturġika ta’ San Ġorġ Martri

Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

Il-Ġimgħa 23 ta’ April 2021

“ĦUDU FUQKOM L-ARMATURA TA’ ALLA” (Efes 6:13)

Fl-Ittra tiegħu lill-Efesin, San Pawl jistedinna biex nilbsu l-armatura ta’ Alla. Jgħidilna hekk: “Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, iżżommu weqfin. Żommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità, ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja, u xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem; ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi; li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin; ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla” (6:13-17).

Kieku jkollna niffukaw illejla fuq ix-xbieha sabiħa ta’ San Ġorġ, u nirriflettu ftit fuq l-armatura li biha huwa mlibbes, u nippruvaw nagħrfu t-trasformazzjoni li għamel dan is-suldat żagħżugħ, li minn suldat tal-Imperu Ruman, jibqa’ suldat, imma din id-darba ta’ Ġesù Kristu; jiena naħseb li nistgħu npoġġu fil-professjoni ta’ dan iż-żagħżugħ il-ħajja, il-professjoni, l-esperjenza tal-parti l-kbira ta’ kif inqattgħu l-ġurnata, l-esperjenza tax-xogħol ta’ kull wieħed u waħda minna, u s-sejħa li l-Mulej qiegħed jagħmlilna – min għandu professjoni u min għandu oħra. San Ġorġ kien kapaċi jbiddel l-elementi tal-gwerra, tat-taqbida, tal-vjolenza, tas-saltna tad-dlam, is-saltna tal-Imperu Ruman, f’elementi ta’ tjubija, ta’ mħabba, ta’ ħniena, ta’ fidi f’Ġesù Kristu, ta’ pożittività, ta’ ottimiżmu. Jiena naħseb li għandna ħafna mhux biss fuqiex nirriflettu, imma fuqiex naħdmu, ħafna x’ngħixu. San Ġorġ jgħallimna fuq din il-kapaċità tat-trasformazzjoni, ta’ konverżjoni kontinwa f’ħajjitna, kapaċità li ma tintemm qatt, tintemm biss mal-mewt. 

Jgħidilna San Pawl: “Ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen” (6:13), fi żmien il-kumbattiment. U aħna qed ngħixu fi żmien il-kumbattiment. M’aħniex ngħixu żmien il-kumbattiment tal-persekuzzjoni tal-imperaturi Rumani, li fih għex San Ġorġ fit-tielet seklu u fil-bidu tar-raba’ seklu, imma qegħdin ngħixu żgur kumbattiment ieħor, li rridu nħejju ruħna għalih, biex ma nħalluhx ibattina u jkissirna. San Pawl ikompli: u din l-armatura ta’ Alla mhux biss tiddefendikom fi żmien il-ħażen, imma żżommkom weqfin. X’jiġifieri żżommna weqfin? Iżżommna b’rasna merfugħa ’l fuq, b’dinjità, kburin bl-identità tagħna ta’ Kristjani, ta’ Nsara… ma għandna għalfejn nistħu minn ħadd. Kif il-figura u l-eroiżmu ta’ Ġorġi jispikkaw iktar fil-mument fejn hemm kuntrast kbir bejn dan iż-żagħżugħ u l-bqija tal-mentalità u tad-dinja li kien qed jgħix fiha, hekk ukoll aħna msejħin minn San Pawl. Ma ninsewx li kien biss ftit ta’ żmien qabel li nkiteb dan li qed jitkellem fuqu San Pawl. Aħna wkoll imsejħin biex nispikkaw, mhux bis-suppervja, mhux bil-vjolenza, mhux bil-prepotenza, imma bil-marturia, bix-xhieda tal-fidi tagħna, biex bħal San Ġorġ, f’din id-dinja tagħna nkunu dawl fid-dlam. 

B’liema mod illum nistgħu nilbsu din l-armatura ta’ Alla?

“Ħażżmu ġenbejkom bil-verità” (v. 14)

Ilkoll kemm aħna, almenu l-irġiel, inħobbu nżommu ċ-ċintorin li jorbotna, li jżommna sodi. X’inhu l-ħżiem; it-terħa li kienu jdawru magħhom l-anzjani tagħna; iċ-ċintura li kienet iżommhom sodi? Dan ifisser is-sens ta’ sigurezza li kull wieħed u waħda minna għandna bżonn fil-ħajja tagħna. Minn fejn ser inġibuha din, f’soċjetà fejn kulħadd iħossu insigur, fejn ħadd ma għadu żgur minn xejn, lanqas mill-iktar l-affarijiet li qabel kienu elementari u konna moħħna mistrieħ minnhom? Is-saħħa tagħna f’dan iż-żmien li qed ngħixu, u li għall-grazzja ta’ Alla ħerġin minnu. Ix-xogħol tagħna, il-fiduċja fl-oħrajn, ir-relazzjoni tagħna fl-oħrajn. Fejn hi s-sigurtà tagħna jekk mhux fil-verità? X’jiġifieri nkunu żguri fil-verità? Il-kapaċità li nkunu nafu lilna nfusna, li nħarsu lejna nfusna bl-għajnejn ta’ Dak li għamilna. Il-kapaċità li nqisu, li nkejlu lilna nfusna bil-valuri, bil-qisien tal-Vanġelu. Din hi l-verità. Inħarsu lejna nfusna ħafna drabi – u din hemm bżonnha ħafna fid-dinja tal-lum – b’ħarsa ta’ ħniena, kif iħares lejna Alla. Inħarsu lejn l-oħrajn b’ħarsa ta’ ottimiżmu, b’ħarsa ta’ inklużjoni. Din hija l-verità: li nħarsu lejna nfusna b’realiżmu, nagħrfu li aħna nies dgħajfin, nafu li aħna nies li niżbaljaw, u li jkollna saħansitra ħniena minna nfusna. Jekk ma nħossux ħniena minna nfusna, jekk ma nħossux il-ħniena ta’ Alla lejna, jekk ma nħarsux bl-għajnejn tal-ħniena li bihom iħares Alla lejna f’Ġesù Kristu msallab għalina fuq is-salib, kif ser nissaportu, mhux lill-oħrajn, imma lilna nfusna? Kif ser naċċettaw, mhux lill-oħrajn, imma lilna nfusna? Din hija essenzjali għall-fiduċja li għandu bżonn li jkollna lkoll kemm aħna fina nfusna u fid-dinja ta’ madwarna, f’dinja ta’ dubji, ta’ inċertezzi, fejn kulħadd jipprova jikkalkula minn qabel, jinfaxxa rasu diġà minn qabel, għax jaf jew jaħseb li llum jew għada ser ikissirha.

Araw ftit x’inhu jiġri fil-koppji li qegħdin iħejju ruħhom għaż-żwieġ, dawk li qegħdin jippruvaw jippjanaw li jgħixu ħajjithom ma’ xulxin u għal xulxin. Diġà qed jippruvaw iħejju ruħhom minn qabel ma ngħaqdu flimkien għal x’jista’ jiġri jekk jisseparaw u ma jibqgħux flimkien. Xi jfisser dan? Li l-ħżiem tagħna, iċ-ċintorin tagħna mhux ibbażat fuq il-verità ta’ Alla, imma bbażat fuq il-flus, fuq id-dubju fil-persuna l-oħra, fuq l-inkapaċità tagħna li nkunu fidili tassew lejn xulxin. Mhux iktar ibbażat fuq il-verità ta’ Alla, li għandu fiduċja fija, li jħobbni, li jaċċettani, li jilqagħni u li jaħfirli; kif jagħmel miegħi, jagħmel miegħek: jistieden lili biex dak li Alla jagħmel miegħi nagħmlu miegħek ukoll.

“Ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja” (v. 14)

Il-kurazza mhux biss tiddefendi lil San Ġorġ, mhux biss tiddefendi lill-bniedem, imma hija s-simbolu tal-ambizzjoni, tal-kuraġġ, tal-ftaħir. Fejn hu l-kuraġġ tagħna? Fuqiex nibbażawha l-ambizzjoni tagħna? Xi rrid nilħaq jien? Kieku jkolli nagħti isem lill-kurazza tiegħi, biex jien niftaħar fil-ħajja tiegħi? X’inhu l-ftaħir tiegħi? San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Efesin jgħidilna li l-ftaħir tiegħu hija l-ġustizzja, kif kienet ta’ San Ġorġ. X’jiġifieri l-ġustizzja? Mhux sempliċiment jien nagħtik dak li ħaqqek u int tagħtini dak li ħaqqni. Il-ġustizzja fl-Iskrittura hija wisq iktar minn hekk: hija t-tjubija, il-qdusija, il-pożittività, dak li hu tajjeb fil-persuna tiegħi. Meta jien fil-ħajja tiegħi nipprova nimxi ’l quddiem u nistinka għall-aħjar tiegħi, imma mhux biss, imma wkoll għall-aħjar tal-oħrajn.

Ħafna drabi aħna bil-kelma żvilupp u suċċess, li ħafna drabi jkunu l-ftaħir tagħna, nifhmu biss li nkun sew jien, li nkun aħjar jien. Imma jekk kulħadd jirraġuna b’dan il-mod, nispiċċaw biex neqirdu lil xulxin, nispiċċaw biex il-ħajja tiegħi tkun il-mewt tiegħek, u l-ħajja tiegħek tkun il-mewt tiegħi. Mhux din il-qdusija, mhux din it-tjubija, mhux din id-dikaiosyne, il-ġustizzja li jitkellem fuqha San Pawl fit-Testament il-Ġdid. Mhix din it-tjubija li jridna nikbru fiha u niftaħru biha San Ġorġ illejla. It-tjubija mhix għajr ix-xewqa tagħna, din it-tensjoni tajba li għandu jkollu kull wieħed u waħda minna, tensjoni f’saħħitha li jimxi ’l quddiem bħala persuna. Imma biex nimxu ’l quddiem bħala persuni individwali, ma nistgħux nagħmlu din il-biċċa xogħol weħidna. Irridu bilfors nimxu ’l quddiem flimkien.

“Xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem” (v. 15)

Ilbsu s-sandli tal-ħeġġa tal-Aħbar it-Tajba tal-paċi. Kull fejn tkunu xerrdu l-paċi. Jalla x-xewqa li tagħmlu t-tajjeb, li xxerrdu l-paċi kull fejn tkunu, tkun il-mutur, l-enerġija, il-ġwienaħ li jmexxukom, li jimbuttawkom fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum. Ix-xewqa li kull fejn tkunu ġġibu s-sliem, li kull fejn tkunu tagħtu sens ta’ tama, tagħtu sens ta’ ottimiżmu… kull fejn tkunu u ma’ kull min tiltaqgħu. Kif jgħid Ġesù fl-Evanġelju: “Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’” (Lq 10:5), u lil kull min joqgħod fiha, lil kull min jgħammar fiha. Il-ħajja tagħna tkun tixbah lil ta’ San Ġorġ jekk ma noqogħdux nimpikaw fuq affarijiet żgħar, li jgħaddu, fuq dettalji. Nispiċċaw ninfirdu, nitkissru minn xulxin, mhux biss il-koppja, imma ħafna drabi familja fiha nfisha. Fil-familja tad-demm verament kultant dak id-demm isir semm, minħabba affarijiet li huma aċċidentali, mhumiex importanti. U l-mutur li jkun imexxina, il-motivazzjoni li tkun tqanqal lil riġlejna biex jimxu ’l quddiem fid-deċiżjonijiet u fl-għażliet tagħna, ma tkunx għajr il-kompetizzjoni, il-kilba għall-ġid u l-flus.

Ejjew illejla verament nitgħallmu minn San Ġorġ: ma nħalluhx statwa tal-ġibs jew tal-injam, sabiħa kif inhi fuq pedestall, imma nagħmluha ħajja fil-persuna ta’ kull wieħed u kull waħda minna. San Ġorġ dan li jixtieq: li jkun verament preżenti fis-sentimenti, fil-mod ta’ kif nirraġunaw, fl-għażliet li aħna nagħmlu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Faċli ħafna li aħna nieħdu gost, li aħna nċapċpu, li aħna nifirħu – u nagħmlu sew bil-festa u bl-istatwa ta’ San Ġorġ – imma iktar impenjattiva l-ħajja tagħna ta’ Nsara jekk trid verament tkun ħajja Ġorġjana, jekk trid verament tkun ħajja Kristjana.

“Ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi” (v. 16)

Iddefendu lilkom infuskom bil-fidi. Meta nkunu attakkati, biex aħna niddefendu lilna nfusna? Bil-manuvri, xi drabi bil-korruzzjoni, xi drabi bil-prepotenza, xi drabi billi nitilgħu minn fuq spallejn ħaddieħor. B’dan il-mod niddefendu rwieħna. San Pawl jgħidilna: iddefendu rwieħkom bil-fidi. X’jiġifieri bil-fidi? Bil-fiduċja tagħna f’Alla: fil-providenza ta’ Alla li ma jitlaqniex; f’Alla li lilna jħobbna tassew; f’Alla li għalih aħna importanti, il-mimmi ta’ għajnejh. Din il-fiduċja trid tkun it-tarka tagħna, trid tkun id-difiża tagħna fil-kumbattimenti li aħna niltaqgħu magħhom fil-ħajja.

“Ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni” (v. 17)

X’inhi s-salvazzjoni? Il-ħelsien. L-elmu jgħatti r-ras, hu sinjal tad-direzzjoni. Xi jmexxina ’l quddiem fil-ħajja tagħna? Lejn xiex mexjin? Jiena nibża’ li ħafna drabi, mhux biss fuq livell individwali, imma anki bħala poplu kultant, nagħmlu għażliet li mhumiex ta’ ħelsien, mhumiex ta’ libertà; imma għażliet ta’ skjavitù, għażliet tal-mewt, li lilna jkissruna. Għażliet li mhumiex ibbażati fuq il-fiduċja, it-tjubija tal-persuna, imma bbażati fuq x’jaqbel lill-but ta’ wħud, jew ta’ ħafna.

Għaddejja diskussjoni bħalissa dwar id-dekriminalizzazzjoni – hekk qed insejħulha – tal-kannabis. Mhux ser nidħol fil-merti tagħha, imma jiena biss nistaqsi: għal li jista’ jkun, din mhix sinjal ta’ qtugħ ta’ qalb fit-tjubija taż-żagħżugħ illi waħdu, minnu nnifsu, minn ġo fih, għandu l-kapaċità – għax tahielu Alla – li jkun kuntent? Irridu norbtulu miegħu l-bżonn li jieħu sustanzi, minn xi mkien ieħor, minn barra, li jrid iħallas għalihom, li jibda jiddependi minnhom, li jsir skjav tagħhom. Jien lanqas norbot fuq il-libertà tiegħi, fuq il-kapaċità tiegħi li niddixxerni b’mod liberu u b’mod matur. Min hu dak il-bniedem li kellu tant edukazzjoni u formazzjoni tajba li kapaċi jkollu l-luċidità u sens kbir ta’ oġġettività biex jagħżel dejjem u l-ħin kollu u bil-qies it-tajjeb mill-ħażin? Fl-istess waqt, għiduli intom jekk għażla bħal din, meta jien nibbaża d-divertiment u l-kuntentizza tiegħi fuq oġġett, fuq sustanza, u mhux iktar fuqi nnifsi, fuq il-kapaċità tiegħi bħala persuna, hix għażla favur il-ħajja, favur il-libertà, favur l-elmu tas-salvazzjoni, jew inkella hix sempliċiment għażla ta’ kumdità, għażla li lill-bniedem tkompli tgħażżnu? Għażla li lill-bniedem toqtollu minn ġo fih dik ix-xewqa li jkun aħjar minnu nnifsu. Għażla li mhix l-għażla ta’ impenn. Għażla li teħles lill-komunità, teħles lili, teħles lilna, mir-responsabbiltà li għandna li nagħmlu minn kollox biex kull żagħżugħ u żagħżugħa, kull tifel u kull tifla, ikollu l-kapaċità minn ġewwa fih, mhux minn barra, li jsib is-sodisfazzjon, li jsib il-milja tal-ħajja tiegħu.

“Aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-Kelma ta’ Alla” (v. 17)

Jekk tridu tiġġieldu – mhux bil-ponn, mhux bl-argumenti, mhux bil-filosofiji – jekk tridu tiġġieldu fis-sens tajjeb, jekk tridu targumentaw, jekk tridu titkellmu, tkellmu bil-Kelma ta’ Alla. Mhux min hu l-aqwa, min hu l-iktar f’saħħtu, min għandu l-iktar flus, imma tkellmu bil-verità. Ix-xabla tagħna trid tkun il-verità li toħroġ mill-Kelma ta’ Alla. “Il-Kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun” (Lhud 4:12). Hekk jgħidilna l-awtur tal-Ittra lil-Lhud. Tifred l-ispirtu mill-enerġija, tiddixxerni x-xabla tal-Kelma ta’ Alla. 

Għalhekk kien kbir San Ġorġ, għax irnexxielu jgħix ħajtu kollha f’din it-trasformazzjoni. L-armatura tiegħu ta’ suldat Ruman bidilha tassew f’armatura ta’ suldat ta’ Ġesù Kristu. Jalla kull wieħed u waħda minna nkunu tassew – imma tassew! – Ġorġjani, tassew devoti ta’ dan il-qaddis kbir.

Leave a Reply

%d bloggers like this: