Il-bieb li jagħti għall-ħajja. Omelija tal-Isqof Joe Galea Curmi

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 26 ta’ April 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tat-Tnejn tar-Raba’ Ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm kuntrast kbir li jagħmel Ġesù fl-Evanġelju tal-lum, lejn l-aħħar ta’ din is-silta, meta min-naħa l-waħda jsemmi min jidħol biex jisraq, jeqred u joqtol u, min-naħa l-oħra, Ġesù li ġie biex jagħtina l-ħajja u l-ħajja bil-kotra. Hemm dan il-kuntrast bejn min-naħa, il-qerda tal-ħajja, u min-naħa l-oħra, il-milja tal-ħajja.

Għalhekk Ġesù fl-Evanġelju jsemmi li hu l-bieb li jagħti għall-ħajja. Hawn jgħid iktar minn darba li hu l-bieb tan-nagħaġ, minn fejn jgħaddu n-nagħaġ ħa jsibu fejn jirgħu. Dak hu l-bieb għall-ħajja. Min-naħa l-oħra hemm dawk li jidħlu minn xi mkien ieħor, jgħid Ġesù, biex jagħmlu ħerba.

Għaliex Ġesù jgħid: “Ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”? Għax dak hu l-iskop ta’ Ġesù għalina, hekk jixtieq għalina, li lilna jagħtina l-ħajja. Qabelxejn jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk hu għadda mill-mewt u l-qawmien biex lilna jagħtina l-ħajja ta’ dejjem lil hinn mill-mewt. Il-ħajja ma tispiċċax mal-mewt imma tkompli lil hinn mill-mewt, il-ħajja ta’ dejjem. Imma fl-istess waqt, Ġesù jrid li l-ħajja ta’ issa, hawnhekk f’din id-dinja, aħna ngħixuha bl-aħjar mod; u għalhekk li l-ħajja ta’ hawn tkun ħajja b’dinjità, ħajja li tixraq lill-bniedem. Hawn nistgħu ngħixu wkoll il-bidu, il-ħjiel, ta’ dik il-ħajja ta’ dejjem li ngħixu lil hinn mill-mewt.

Dan dejjem hu l-messaġġ ta’ Ġesù, sa mill-ewwel mument. Lil dawk il-ftit ċelloli fil-bidu ta’ kull ħajja umana, Ġesù jgħidilhom: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”, b’kuntrast ma’ min irid jagħżel min minnhom jgħix u min le.

Dan hu l-messaġġ ta’ Ġesù meta jgħid: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”. Hu jrid li aħna wkoll nissieħbu miegħu f’dan, li aħna nkunu dawk li bix-xhieda ta’ ħajjitna, bil-ħidma u bil-kelma, inwasslu l-kultura favur il-ħajja. Ġesù jgħid dan il-messaġġ lilna dejjem fil-ħajja tagħna, u anke f’ċirkustanzi partikulari.

Lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli minħabba li huma vittmi ta’ vjolenza domestika, Ġesù jgħidilhom: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”, b’kuntrast ma’ min irid li tibqgħu tgħixu f’ħajja ta’ miżerja.

Lil dawk li qegħdin f’nofs ta’ baħar jitolbu min jgħinhom ħalli jsalvaw mill-għarqa, Ġesù jgħidilhom: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”, b’kuntrast ma’ min hu indifferenti u jħallihom għal riħhom.

Lil dawk li huma vittmi ta’ droga, li għandhom bżonn min jgħinhom ħa jeħilsu minn dal-vizzju, Ġesù jgħidilhom: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”, b’kuntrast ma’ min irid iħallihom jgħoddsu fil-vizzju tagħhom.

Dan dejjem hu l-messaġġ ta’ Ġesù, sa mill-ewwel mument. Lil dawk il-ftit ċelloli fil-bidu ta’ kull ħajja umana, Ġesù jgħidilhom: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”, b’kuntrast ma’ min irid jagħżel min minnhom jgħix u min le.

Dan hu l-messaġġ li jagħtina Ġesù. Lilna jrid iseħibna biex inkunu dawk li naħdmu favur il-ħajja u kontra l-kultura tal-iskart li teqred il-ħajja, li teqred il-bniedem. Irid insemmi hawnhekk il-ħidma li saret matul din is-sena u li għadha qed issir minn tant nies proprju biex qalb din il-pandemija jipproteġu l-ħajja, isalvaw il-ħajja tan-nies, u jgħinu lin-nies biex jikkuraw mill-virus ħalli jistgħu jgħixu. Hu meta aħna nissieħbu ma’ Ġesù li nifhmu kemm hija ta’ valur il-ħajja, id-don li tana hu, u kemm għandna naħdmu biex il-ħajja tagħna u tal-oħrajn tkun ħajja b’dinjità, ħajja li tixraq lill-bniedem.

Nitolbu lill-Mulej biex jgħinna ħalli aħna nidħlu minn dan il-bieb tal-ħajja, li huwa hu, u biex ngħinu ħafna oħrajn ħalli wkoll jidħlu minn dan il-bieb ħalli jkollhom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Leave a Reply