Mill-milja tiegħu. Messaġġ tal-Isqof Joe Galea Curmi

Il-Ħamis, 13 ta’ Mejju 2021: Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Velja ta’ talb bi tħejjija għall-ordinazzjoni djakonali. Bażilika Minuri ta’ San Pawl, ir-Rabat.

Messaġġ tal-Isqof Galea-Curmi

Qegħdin miġburin nitolbu flimkien lil Alla għal Sean u Jean Claude li se jkunu ordnati djakni nhar is-Sibt. Hi okkażjoni ta’ ferħ kbir għall-Knisja f’Malta, u nixtiequ nitolbu ħafna għalihom bil-qalb u bl-imħabba kollha.

Għeżież Sean u Jean Claude, nixtieqkom tiftakru llum fil-kliem ta’ San Pawl fl-Ittra lill-Galatin li għadna kif smajna. Hu jgħid: “għażilni sa minn ġuf ommi u sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu”. San Pawl ried jenfasizza li Alla għażlu proprju mill-bidu nett – għalhekk “għażilni sa minn ġuf ommi”. Aħna nafu li l-ħajja tibda mat-tnissil, ma tibdiex meta ngħidulha aħna biex tibda jew meta niddeċiedu aħna, imma tibda mal-mument tat-tnissil. San Pawl ried jenfasizza li l-għażla ta’ Alla tibda minn hemm, u sejjaħlu permezz tal-grazzja tiegħu. Għalhekk anke lilkom, Alla għażilkom mill-bidu nett u sejħilkom permezz tal-grazzja tiegħu. Nixtieq li din dejjem iżżommuha f’qalbkom: li dak li intom hu don ta’ Alla, dak li rċevejtu hu bil-grazzja tiegħu, minnu li tistgħu tieħdu l-ħajja.

Tlabna wkoll permezz tal-Evanġelju skont San Ġwann: “Mill-milja tiegħu, aħna lkoll ħadna grazzja fuq grazzja”. Dan hu l-iskop tas-servizz li għalih intom ġejtu msejħin – biex tieħdu mill-milja tiegħu, tirċievu mill-milja tiegħu, u fil-qadi tagħkom fil-ministeru tal-kelma, tal-artal, u tal-imħabba, twasslu lin-nies biex huma wkoll jistgħu jieħdu mill-milja tiegħu grazzja fuq grazzja. Ftakru li hemm li jagħmel sens id-djaknu – kemm jirċievi mill-milja ta’ Alla biex iwassal lin-nies għal għand Alla.

Nixtieq li waqt li intom taqdu dan il-ministeru, tfakkru lilna lkoll kemm hu importanti li aħna ngħixu l-vokazzjoni tagħna, kull wieħed u waħda minna, b’dan l-ispirtu. It-tentazzjoni kultant għalina hi li aħna u naqdu b’intenzjoni tajba lin-nies, aħna u nagħtu servizz lin-nies, niġbdu l-attenzjoni fuqna nfusna, in-nies jieqfu jħarsu lejna; kultant anke ngħidu affarijiet li lin-nies jaħsduhom, u jixxukkjawhom. Taħt dan kollu hemm il-messaġġ “ħares lejja”.

Ukoll b’kull intenzjoni tajba, aħna m’aħniex qegħdin hemm biex in-nies iħarsu lejna u jieqfu għandna. Jekk nagħmlu hekk, lanqas ikunu waslu nofs it-triq li jridu jaslu. Għalhekk, importanti ħafna li aħna kontinwament naraw kif lin-nies ma nwaqqfuhomx għandna biex jitfgħu l-attenzjoni fuqna, imma jaslu għandu, għand il-Mulej, li minnu jridu jirċievu l-grazzji kollha. Mill-milja tagħna n-nies ma jirċevux grazzja fuq grazzja, ma jirċevux dak li għandhom bżonn, imma mill-milja tal-Mulej in-nies jistgħu jirċievu żgur grazzja fuq grazzja.

Nixtieq li llum, fit-tifkira li nagħmlu ta’ Marija, tħarsu speċjalment lejha li hi l-isbaħ eżempju ta’ kif mill-milja tiegħu rċeviet grazzja fuq grazzja, u għexet ħajjitha tassew b’dan l-ispirtu. Marija hi l-isbaħ eżempju ta’ djakonat – taqdi bħala qaddejja tal-Mulej, biex dejjem tirċievi mingħandu u twassal lin-nies għandu. Għal dan nixtieq nitlob speċjalment għalikom, Sean u Jean Claude, u permezz tal-Ordinazzjoni tagħkom nhar is-Sibt, jalla l-Mulej jagħti ħafna għajnuna lill-Knisja f’Malta biex ikollha tassew dan l-ispirtu ta’ Marija.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt   

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply