X’imħabba li ma titwemminx!

Fost il-ħafna tradimenti li nisimgħu u ngħaddu minnhom, fost il-ħafna weġgħat huma ta’ liema xorta huma, fost il-miljun elf dubju li jaf jinbtilna ġewwa moħħna, hemm mistoqsija li dejjem titfaċċa f’ħajjitna: l-imħabba għadha teżiżti?

Jekk inħares ħarsa madwari mingħajr ma nħares ‘il fuq faċli ħafna li naqta’ qalbi. Għax, u fil-verità kollha, ħadt ma jagħmel xejn għal xejn! Sintendi, jekk dak ix-xi ħadd ma jkunx tassew mimli bil-Mulej minn filgħodu sa filgħaxija. U ma jagħtix lok lil dak ta’ denbu twil li jdeffes denbu mqar għal nitfa ta’ ħin biss! Imma, jekk il-bniedem ġust jidneb tal-inqas seba’ darbiet kuljum, allura x’jibqa’ mill-bniedem komuni? Li mal-inqas buffura riħ tat-tentazzjoni għid li se jinstabat tisbita tisbitun?! Mela, dan il-fatt biss qed jerġa’ iġibni għall-konklużjoni li iva, ħadt ma jħobbna bħal u daqs il-Mulej!

U hawn kemm jiġuni ħelu manna l-kliem tal-għanja li ħarġet minn qalb tfawwar bl-imħabba għal Ġesù ta’ Fr Karm Debattista mssp, Ħadd ma jħobbok Bħali! Il-kliem ta’ din l-għanja jgħid hekk:Kemm stennejt dan il-mument/ Tiġi tiftaħ qalbek miegħi/ Kemm stennejt li ssib ftit ħin/ Li tiġi dduq l-imħabba tiegħi. Minni ħrabt u minni nħbejt/ Imma naf kemm int sofrejt/ Sewwa, sew minn xiex għaddejt/ U f’ħajtek kemm batejt. Għax naf li ħadd ma jħobbok bħali/ Le, ħadd ma jħobbok bħali/Jien is-salib għażilt biex flokok nagħti ħajti/ Le, ħadd ma jħobbok daqsi./ Naf sew dak li int trid tgħid/Għalkemm qatt ma tkellimt miegħi/ Naf sew dak li qalbek tħoss/ Għalkemm qatt ma qsamt xejn miegħi. Fi tfixkil dejjem kont ħdejk/ Jien miegħek hemm imxejt/ Sa rfajtek minn idejk/ Meta għal kollox kont għajjejt. Għax naf li ħadd ma jħobbok daqsi/ Le, ħadd ma j ħobbok daqsi Hemm fis-salib għalik il-prova għandi/ Kemm ħadd ma j ħobbok bħali. Jien miegħek ser inkun, ikun xi jkun li jiġri f’ ħajtek/ Għal dejjem nibqa’ nkun qawwa għalik – ġo qalbek. Għax ħadd ma jħobbok bħali Le, ħadd ma jħobbok bħali. Fis-salib g ħalik il-prova għandi/ Kemm ħadd ma j ħobbok bħali/ Għax ħadd ma j ħobbok daqsi/ Le, ħadd ma jħobbok daqsi/ Jien is-salib għażilt biex flokok nagħti ħajti/ Le ħadd ma jħobbok daqsi/ Jien miegħek nibqa’ nkun – f’imħabbti.

Emmnuni l-aħwa li għażilt li nniżżel sal-anqas kelma dan il-kliem hekk sabiħ l-għaliex, moħbija f’dawn il-kelmiet, mhemmx le sempliċiment kliem li jiksru l-monotonija ta’ niket li nġarrbu fil-ħajja! Dawn il-kelmiet huma duwa għall-ġewwieni tiegħek u tiegħi! Għax minn minna ma jħossux li għandu jiġi maħbub u maħbuba? Apprezzat u apprezzata? Imma fejn hu l-iżball li aħna nagħmlu f’din it-tfittxija għal apprezzament? Li aħna nħallu lilna nfusna ninġarru mill-ilma li ma jaqtax il-għatx! Anzi! B’dan l-ilma mielaħ li nibilgħu fil-pulmuni tagħna aktar u aktar inżidu l-għatx klubi li hemm fil-qiegħ nett ġewwa fina!

Kemm nistennew minn bnedmin bħalna li, anki huma, bħalna, l-ewwel inkwiet tagħhom hu li jaraw kif se jħarsu lilhom infushom! Issa lil dawn tagħtihom tort? Mhux kulħadd lejn il-ħarsien tiegħu jiġbed l-ewwel? Kif ħa jħares lilu nnifsu mill-għawġ u kif se jixrob minn nixxiegħa tal-faraġ?

Forsi illum, b’riħet il-Festa tal-Ħniena Divina, f’ħajjitna terġa’ tittanta tmidd riġilha dimensjoni tabilħaqq importanti u essenzjali għall-aħħar għalina. Ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù! Qabel niftħu qalbna ma’ xi ħadd kemm tabilħaqq huwa essenzjalissmu li niftħu qalbna ma’ min għamilna, ma’ min ħalaqna?! Int ħu meta nixtru xi ħaġa u tkun difettuża. X’nagħmlu? Mhux immorru għand min xtrajnieha u ngħidulu x’sibna ma’ wiċċna? Kemm tidher ħaġa banali din hux! Imma mur tagħmilhiex! Kieku ara kif nispiċċaw b’dak l-oġġett li jkollna li, minflok li jkun serva ta’ għajnuna jkun sar skamplu għalina! Tfixkil!

U kemm aħna jaħasra noħolqu tfixkil għalina nfusna meta, minflok li mmur għand Min ħalaqni u fdieni fl-inkwiet tiegħi arani nkellem lil dak, dik jew dawk! Kemm aktar għandi nħossni stupidu jien li meta kollox jibda’ imurli ħażin f’ħajti niftaħ qalbi ma’ kulħadd għajr miegħU, ma’ Dak li ħalaqni u sawwarni meta kont għadni qed insir f’ġuf ommi! Għax liema bniedem tassew jista’ jifhimni? Min jista’ jidħol fiż-żarbuna tiegħi b’dik l-imħabba li, fil-verità kollha, ma tiġbidx għaliha? Lanqas xiber wieħed? Min se jagħtini dik l-imħabba li tassew għandi bżonn? Jitqanżaħ kemm jitqanżaħ u titqanżaħ kemm titqanżah?

Għalhekk mela jagħmlu sens bil-kbir l-ewwel kelmiet ta’ din l-għanja daqshekk attwali! Kemm stennejt dan il-mument/ Tiġi tiftaħ qalbek miegħi/ Kemm stennejt li ssib ftit ħin/ Li tiġi dduq l-imħabba tiegħi. Minni ħrabt u minni nħbejt/ Imma naf kemm int sofrejt/ Sewwa, sew minn xiex għaddejt/ U f’ħajtek kemm batejt. Quddiem l-għerf tal-Mulej, moħbi f’dawn il-kelmiet tassew sbieħ li qed jagħtina l-Mulej permezz ta’ Fr Karm Debattista, illum irridu nagħmlu tassew l-ewwel pass! Le! L-ewwel persuna li magħha għandna ninfaqgħu waħda sew, għandu jkun Hu, Ġesù! Għax Hu BISS jaf tassew minn xiex għaddejjin!

Dan juriehuli l-Mulej innifsu fi frażi mill-isbaħ li jgħid lil Fawstina u li meta toqgħod togħmodha aqta’ kemm tgħodd għalija u għalik! Jiena nkellmek l-iktar meta inti titkellem Miegħi fil-profondita’ ta’ qalbek. Hawnhekk, ħadd ma jista’ jfixkel l-azzjonijiet Tiegħi. Hawnhekk, Jiena nistrieħ bħal fi ġnien magħluq (Djarju,581). X’aħbar tajba din għalija! Mela Ġesù mhux xi ħadd fl-isħab? Bħalma ġieli sibt min jgħidli? Kemm għandhom raġun dawk in-nies sempliċi u umli li qalhuli: Jien inkellmu kif nitkellem miegħek. U nħossu jkellimni! U veru! Mhux hekk qed jgħidilna Ġesù fin-numru 581 tad-Djarju ta’ Santa Fawstina?!

Ħadd ma jħobbok bħali! Ħadd ma jħobbok daqsi! Issa dan mhux qed jgħidu Fr Karm imma Ġesù stess meta jgħidli u jgħidlek fid-Djarju ta’ Santa Fawstina: L-ikbar midinbin għandhom ipoġġu l-fiduċja tagħhom fil-ħniena Tiegħi. Għandhom id-dritt qabel oħrajn li jafdaw fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Binti, ikteb dwar il-ħniena Tiegħi lejn l-erwieħ itturmentati. Erwieħ li jirrikorru lejn il-ħniena Tiegħi Jiena nieħu gost bihom. Lil dawn l-erwieħ Jiena nagħtihom iktar grazzji milli huma jifilħu jitolbu. Ma nistax nikkastiga wkoll lill-ikbar midneb jekk hu jirrikorri lejn il-ħniena Tiegħi, imma għall-kuntrarju Jiena niġġustifikah fil-ħniena Tiegħi li hi bla tarf u li ħadd ma’ jista jifhimha. Ikteb: qabel ma Jiena niġi bħal Imħallef ġust, l-ewwel niftaħ beraħ il-bieb tal-ħniena Tiegħi. Min ma jridx jgħaddi mill-bieb tal-ħniena Tiegħi ikollu jgħaddi mill-bieb tal-ġustizzja Tiegħi … (nru.1146).

Kien għalhekk li Ġesù tana dan il-Ħadd għażiż tal-Festa tal-Ħniena Divina. Biex, għal darb’oħra, jgħidilna li aħna fi mħabbtu qegħdin! Aħna min aħna! Jgħidilna Ġesù fin-numru 300 tad-Djarju ta’ Santa Fawstina: Binti, għid lid-dinja kollha bil-ħniena Tiegħi li ħadd ma jista’ jimmaġinaha. Jiena nixtieq li l-Festa tal-Ħniena tkun kenn u rifuġju għall-erwieħ kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin. F’dan il-jum tinfetaħ il-profondita’ sħiħa tal-ħniena tenera Tiegħi. Jiena nferra’ oċejan sħiħ ta’ grazzji fuq dawk l-erwieħ li jersqu lejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi. Ir-ruħ li tqerr u titqarben takkwista maħfra sħiħa tad-dnubiet u tal-kastig. F’dan il-jum jinfetħu l-bibien kollha divini li minnhom tgħaddi l-grazzja. L-ebda ruħ m’għandha tibża’ tersaq Lejja, ukoll jekk għandha d-dnubiet ħomor bħall-iskarlatt. Il-ħniena Tiegħi tant hija kbira li l-moħħ tal-ebda bniedem u tal-ebda anġlu ma jkun jista’ jkejjilha għall-eternita’ kollha. Kull ma jeżisti ħareġ mill-fond tal-ħniena l-iktar tenera Tiegħi. Kull ruħ fir-relazzjoni tagħha miegħi għad tikkontempla l-imħabba u l-ħniena Tiegħi għall-eternita’ kollha. Il-Festa tal-Ħniena ħarġet mit-tenerezza l-iżjed profonda Tiegħi. Hija x-xewqa Tiegħi li tiġi ċċelebrata b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid. L-umanita’ ma ssibx paċi sakemm hija ma ddurx lejn l-Għajn tal-ħniena Tiegħi (nru.699).

Jien miegħek nibqa’ nkun – f’imħabbti. U biex dan il-vers mill-għanja Ħadd ma jħobbok Bħali! iseħħ ħa nitolbu kuljum il-Kurunella li Ġesù ħallilna, il-Kurunella tal-Ħniena Divina! U li min ma jafhiex jista’ isibha fuq You Tube billi jikteb Kurunella tal-Ħniena tal-Ħniena Divina. Jgħidilna Ġesu: Jiena nieħu gost nagħtihom dak kollu li huma jitolbuni permezz tal-kurunella. Meta midinbin b’qalbhom iebsa jgħiduha, Jiena nimlielhom ruħhom bil-paċi, u s-siegħa tal-mewt tagħhom tkun waħda hienja (nru.1541). Meta tingħad din il-kurunella fejn is-sodda ta’ persuna qiegħda tmut, il-korla ta’ Alla tittaffa, ħniena bla qies iddawwar ir-ruħ … (Djarju, 811). Dawk l-erwieħ li jgħidu din il-Kurunella jkunu mgħannqin mill-ħniena Tiegħi matul ħajjithom u l-aktar fis-siegħa tal-mewt tagħhom (Djarju, 754).

X’imħabba li ma titwemminx!

Patri Mario Attard OFM Cap