Il-Papa Franġisku joffri pariri għal meta t-talb jidher li ma jibqax imwieġeb
Il-Papa Franġisku kkonfronta l-“iskandlu” ta’ talb li jidher li ma jiġix imwieġeb waqt l-udjenza ġenerali tiegħu ta’ l-Erbgħa 26 ta’ Mejju, billi ndika t-tama misjuba fil-Qawmien, “meta x-xewqat umani kollha … jitwettqu.”
“Meta n-nies jitolbu b’qalb sinċiera, meta jitolbu affarijiet li jikkorrispondu għas-Saltna t’Alla, meta omm titlob għat-tarbija marida tagħha, għaliex kultant jidher li Alla ma jismax?” il-Papa staqsa lill-pellegrini miġbura fil-Bitħa ta’ San Damaso tal-Belt tal-Vatikan. “Biex inwieġbu din il-mistoqsija, għandna bżonn nimmeditaw bil-kalma fuq l-Evanġelji,” qal ir-Ragħaj tal-Knisja Kattolika.
Il-Papa saħaq li “żmien t’Alla m’huwiex iż–żmien tagħna” u qal li r-rakkonti tal-Evanġelju tal-ħajja ta’ Ġesù huma mimlija talbiet għal talb u fejqan. “Aħna naraw li xi drabi r-risposta ta’ Ġesù hija mmedjata, filwaqt li f’xi każijiet oħra tittardja u jidher li Alla ma jweġibx,” huwa qal. “Aħsbu fil-mara Kangħanija li titlob lil Ġesù għal bintha: din il-mara tibqa’ tinsisti għal żmien twil biex instemgħat… Jew aħseb dwar il-paralitiku miġjub mill-erba’ ħbieb tiegħu: Ġesù inizjalment jaħfer id-dnubiet tiegħu u wara jfejjaq lill-ġismu”.
Il-Qdusija Tiegħu enfasizza r-rakkont tal-Evanġelju ta’ Mark dwar missier, Ġajru, li talab lil Ġesù biex ifejjaq lil bintu marida li kienet se tmut. Hekk kif Ġesù kien fi triqtu lejn id-dar ta’ Ġajru, l-missier irċieva kelma li bintu kienet diġà mietet. Il-Papa Franġisku qal: “Jidher li huwa t-tmiem, imma minflok Ġesù jgħid lill-missier: ‘Tibżax, afda.’”“U tabilħaqq, Ġesù qajjem lil dik it-tifla mill-irqad tal-mewt. Iżda għal xi żmien, Ġajru kellu jimxi fid-dlam, bil-fjamma tal-fidi biss. Itlob din il-grazzja, biex ikollok il-fidi” qal.
Il-Papa spjega li “t-talb mhux bastun maġiku,” imma “djalogu m’Alla.”“Meta nitolbu, għandna nkunu umli,” huwa qal. “Niftakru li Alla se jagħtini dak li hu tajjeb għalina. Hu Jaf.” “Ġesù kellu għerf kbir billi poġġa lil ‘Missierna’ fuq xofftejna … Aħjar inħallu f’idejh: ‘Ikun imqaddes ismek, tiġi s-saltna tiegħek, isseħħ ir-rieda tiegħek,’” huwa ta dan il-parir.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li wara li Ġesù talab fil-Ġnien tal-Ġetsemani, “Missier, jekk huwa possibbli, ħalli dan il-kalċi jgħaddi minni,” jista’ jidher li Alla ma semax. “L-Iben għandu jixrob kompletament mill-kalċi tal-Passjoni,” qal il-Papa Franġisku. “Imma s-Sibt Imqaddes mhuwiex l-aħħar kapitlu, għax fit-tielet jum, il-Ħadd, hemm il-Qawmien.”
“Aħna rridu nitgħallmu din il-paċenzja li nkunu umli biex nistennew il-grazzja tal-Mulej, billi nistennew l-aħħar jum. Ħafna drabi, l-jum ta’ qabel tal-aħħar huwa ħażin ħafna, minħabba li t-tbatija tal-bniedem hija ħażina. Imma l-Mulej qiegħed hemm u fl-aħħar jum Huwa jsolvi kollox ” temm jgħid il-Papa.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.catholicnewsagency.com/news/247788/pope-francis-offers-advice-for-when-prayers-seem-to-go-unanswered