Marija timliena bit-tama f’dan iż-żmien iebes

Madonna Ta’ Pinu, April-Ġunju 2020, Nru 197

Il-ħarġa ta’ April-Ġunju 2021 tar-Rivista Madonna Ta’ Pinu li toħroġ mis-Santwarju li jġib isimha f’Għawdex, tiffoka fuq it-tieni minn tliet invokazzjonijiet ġodda li dan l-aħħar żied il-Papa Franġisku mal-Litanija Lawretana: Omm it-Tama. Fl-Editorjal ir-Rettur Dun Gerard Buhagiar jaqsam magħna riflessjoni fuq kif f’dawn iż-żminijiet ibsin tal-pandemija tant għandna bżonn tat-tama vera li toffrilna Ommna Marija Santissma.

It-tema tat-tama Nisranija kif tidher fil-figura tal-Omm Qaddisa ta’ Alla hi mfissra wkoll fl-artiklu tal-biblista Mons. Lawrenz Sciberras, kif ukoll fir-riflessjoni li ta l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fiċ-ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm f’Sibt il-Għid li għadda. F’din iċ-ċelebrazzjoni żżanżnet xbieha ġdida ta’ Marija ħdejn il-Qabar tistenna l-Qawmien, xogħol l-artist Nathanael Theuma, li hawn jagħtina wkoll it-tifsira tagħha.

Min-naħa l-oħra, is-Salesjan Għawdxi Charles Cini għandu artiklu dwar l-imħabba ta’ San Ġwann Bosco lejn il-Madonna, speċjalment taħt it-titlu ta’ Għajnuna tal-Insara.

Artiklu ieħor attwali ħafna hu dak ta’ Jennifer Cauchi dwar id-devozzjoni tal-Beatu ġdid żagħżugħ Carlo Acutis lejn il-Madonna. L-istess awtriċi tagħtina wkoll f’paġni oħra ġabra ta’ aħbarijiet Marjani mid-dinja.

Tkompli s-serje interessanti dwar figuri u simboli Marjani, din id-darba dwar Abigajl li tidher fl-istorja tar-Re David.

Minn din il-ħarġa, tibda serje interessantissma ta’ Matthew Zammit dwar il-kollezzjoni tal-midalji miżmuma fis-Santwarju Ta’ Pinu, li tixħet iktar dawl fuq kemm kibret maż-żmien id-devozzjoni tal-poplu lejn dan l-imkien qaddis.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, ta’ min jaqra r-riċensjoni – xi ftit twila – dwar l-istudju akkademiku u oriġinali li għadu kemm ippubblika fi ktieb voluminuż Dun Samuel Grech bħala riżultat tal-istudji tiegħu tad-dottorat fil-Marjoloġija fil-Marianum ta’ Ruma.

Int tista’ ġġedded jew tabbona billi tibgħat id-dettalji tiegħek flimkien mal-ħlas ta’ €10 lill-Editur, Santwarju Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb GRB 1704, Għawdex.

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.