Kos hux!

Dan l-aħħar daħal jistrieħ fil-ħajja ta’ dejjem ħuna l-Professur Edward de Bono. Bħalma jaf kulħadd dan il-ħassieb kbir ħallielna dak li jissejjaħ lateral thinking, li, fi kliem sempliċi, jfisser il-ħila li wieħed jaħseb b’mod krejattiv jew “‘il barra mill-kaxxa” biex isolvi problema.

Tlett kwotazzjonijiet li l-medja tat mill-ħamsa u tmenin ktieb li kiteb de Bono huma sbieħ u fihom x’togħmod. L-ewwel, idea li hi żviluppata f’għemil hi aktar importanti minn idea li teżiżti biss bħala idea. Għalkemm dan hu għerf komuni imma l-prattika tiegħu ma tantx hi. Kemm ikun hawn min jagħtiha għall-paroli biex imbagħad jispiċċa b’xejn. Id-diskors hu importanti u meħtieġ. Inkella idea, jekk ma jkunx hemm diskussjoni fuqha, kif ħa tiżviluppa? Għalhekk, aktar ma jkun hemm brainstorming, jiġifieri diskussjoni fi grupp bil-għan li joħorġu idejat ħalli jiġu solvuti l-problemi aktar aħjar. Ma rridux ninsew lanqas li meta nitħaddtu aħna nkunu qed inħallu lill-Mulej jgħinna naraw ‘il bogħod. Fi brainstroming jistgħu joħorġu ideat tassew brillanti. Madankollu, idea tieħu l-ħajja meta titlaħħam f’inizjattiva prattika. Hawnhekk tassew nistgħu inkejlu l-qawwa tal-validità tagħha.  

It-tieni, il-Professur de Bono jgħallimna li l-kwalità tal-ħsieb tagħna se jiddetermina il-kwalità tal-futur tagħna. Irridu nwessgħu l-ħsieb tagħna jekk ma rridux nibqgħu ikkakmati ma’ ideat li ilu li għadda ż-żmien minn fuqhom. U hawnhekk ħallina milli nkunu partiġjani u biex ma nwaqqgħux dak li nkunu għedna qabel nibqgħu magħluqa għall-bidla. Ħallina mis-supervja ntellettwali li ma tridx tinfetaħ għall-iżvilupp! Fil-ħajja nikbru l-ħin kollu. Ejjew inħallu l-verità tiffurmana u mhux il-kilba li nsalvaw wiċċna. Forsi hawn nagħmlu tajjeb li, meta ngħaddu xi idea, ma ngħadduhiex qisna aħna l-Messija. Is-Salvatur wieħed hu: Ġesù Kristu! Aħna nipproponu nistgħu u, fl-aħħar mill-aħħar, hu l-Mulej li jiddisponi! Ejjew nibqgħu miftuħin għal kull eventwalità ta’ bidla tajba li tista’ isseħħ!

It-tielet, il-Professur Edward de Bono jgħallimna li l-krejattività hi motivatur kbir l-għaliex tagħmel lin-nies interessati f’dak li qed iwettqu. Il-krejattività tagħti tama li hemm ideat utli. Il-krejattività tagħti l-possibiltà ta’ xi kisba lil kulħadd. Il-krejattività tagħmel il-ħajja aktar sabiħa u interessanti.  Irridu nisimgħu ftit il-leħen ġewwieni tagħna. Irridu iwa nesploraw ftit x’talenti għandna u nħaddmuhom. Għax meta nħaddmu t-talenti li l-Mulej tana, b’ġenerożità, nibdew nindunaw li l-ħajja hi tama, kisba, sabiħa u interessanti. Meta nħaddmu t-talenti tagħna għall-ġid tal-oħrajn, b’ġenerożità, nibdew nintebħu kemm nitbiddlu aħna. Ma ninsewx x’jgħidilna Papa Franġisku: Il-ħajja nsaħħuha meta nagħtuha lill-oħrajn, u ndgħajfuha meta ninqatgħu għalina nfusna nitgħażżnu fil-kumdità (Evangelii Gaudium, 10).

Kos hux!

Patri Mario Attard OFM Cap