Tiskanta x’jaf joħroġ minn santa!

Print Friendly, PDF & Email

Inħossha grazzja kbira mis-sema meta l-Mulej jagħtini l-opportunità li fija u bija jinseġ paniġierku. Ma nqisx ruħi xi paniġerista imma l-paniġierċi sirt inħobbhom ħafna. L-għaliex għalija ikunu irtir u formazzjoni kbira.

Kien ħija Kapuċċin Patri Dumink Mangani OFM Cap, il-Kappillan tal-Marsa Trinità, li bis-solita ġentilezza tiegħu s-sena l-oħra, fl-2020, fl-eqqel tal-covid-19, tani rigal kbir: il-paniġierku tat-Trinità Qaddisa. Irrid ngħid li dan il-paniġierku tassew kien għalija rigal fuq ħafna livelli. Ħa nibda billi ngħid li t-tħejjija għalih fakkrittni kemm tabilħaqq jiena ħu San Leopoldu Mandic, il-Patri Kapuċċin li ta ħajtu għall-għaqda tal-Knejjes Ortodossi mal-Knisja Kattolika. Dan l-għaliex it-tema ewlenija tal-paniġierku 2021 kienet it-Trinità Qaddisa.

Illum, wara li għaddejt minn din l-esperjenza tabilħaqq sabiħa, ngħid ukoll li dan il-paniġierku serva għalija biex ħadni fi tfuliti, meta kelli biss disa’ snin. U hawn ma nistax ma niftakarx, b’demgħa f’għajnejja, l-esperjenza tiegħi tant sabiħa fil-MUSEUM ta’ San Ġwann. Kif nista’ ma niftakarx lill-mibki s-Sur Victor Floridia, il-katekist għalliemi u li kien tant ħelu magħna. Kemm kien jgħallimna minn qalbu fil-klassi tal-katekiżmu! U fost il-ħafna talb li l-Mulej kien tani l-grazzja li nitgħallem mingħandu fil-Klassi tal-Katekiżmu kien hemm din it-talba tant sabiħa: Fl-Isem tal-Missier li ħalaqni, tal-Iben li salvani u tal-Ispirtu s-Santu li jqaddisni. Għadni niftakru, xwejjaħ xwejjaħ, iżda b’dik l-imħabba ta’ skular li kellu għat-tagħlim! Għadni niftakar tajjeb x’kien qalli darba: Darbtejn jien bkejt f’ħajti. L-ewwel darba meta mietet l-għażiża ommi u darb’oħra meta kelli narmi mimli bagoll kotba. U nemmnu li beka daqskemm kien iħobb jaqra u jifforma ruħu! Is-Sur Floridia!

Iwa ħbieb! Kienet din it-talba li ħarġet minn qalb is-Sur Floridia, u li lilna, b’tant sabar, kien jgħallimna biex nitolbu kuljum lill-għażiża u maħbuba tagħna t-Trinità Qaddisa! U tant kemm din it-talba laqtitni fil-laħam il-ħaj li ma stajtx ma ngħidx lil ħabib kbir tiegħi Pawlu biex jipprintjaha fuq santa wara l-magħrufa ikona tat-Trinità ta’ Andrei Rublev bħala tifkira tant għażiża għall-Jum il-Festa tat-Trinità Qaddisa tal-Ħadd 30 ta’ Mejju 2021. Ħadt gost immens li t-Trinità ġabret lilna ilkoll, Patrijiet Kapuċċini, Mons. Joe Galea Curmi, Dr Deo Debattista, Dr José Herrera, Dr Mario De Marco flimkien mas-sindku tal-Marsa Josef Azzopardi u lil Marsin li ġew minn qalbhom għall-quddiesa tal-paniġierku.

Fil-paniġierku ta’ din is-sena l-Mulej bdieli b’poeżija ħelwa iddedikata lis-sagristan ħabbrieki tagħna Dione Cefai. Għalih marru minn qalbi dawn il-versi: Kien l-ewwel ta’ Frar/Għad-disa’ neqsin kwart,/ F’għodwa xemxija xitwija,/ B’dik il-ħarira bard! U, is-sagristan qalli:/“Qed tħejjijlu l-paniġierku,/ Tal-Qaddisa Trinità?/ Bi kliem ta’ sempliċità?”/U jien pront weġibtu:/“Nitlob lit-Trinità tgħinni,/ Biex kliemi jkun kliemha/U hekk ma jkollix kliem imtenni.” Għoġbitu t-talba lit-twajjeb sagristan/Li f’dak il-ħin talab għalija,/Biex dan id-diskors ma jkunx qerda/Imma joħroġ minn qalb ferriħija!

U salpa l-vapur! U rikeb l-ewwel mewġa. Fl-Isem tal-Missier li ħalaqni! Hekk jgħidilna l-ktieb tal-Ġenesi: Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art (Ġen 1:1). Filwaqt li fil-ktieb ta’ Neħemija nsibu hekk: Int waħdek il-Mulej int għamilt is-smewwiet, is-smewwiet tas-smewwiet, u l-eżerċti kollha tagħhom, u l-art u kulma fiha, l-ibħra u kulma fihom. Int iżżommhom ħajja, lilek iqimu l-eżerċti tas-smewwiet (Neħ 9:6). Il-Missier hu Missier il-ħajja! U l-ħajja mit-tnissil sat-tmien naturali tagħha. Kif jgħidilna Salm 139: Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi, u f’ġuf ommi inti nsiġtni. Irroddlok ħajr, għax b’mod tal-għaġeb għamiltni: tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek (S 139: 13-14). Alla l-Missier ma jaċċetta qatt l-qtil tal-abort! Għax hu nnifsu l-ħajja! Ma ninsewx li fl-ikona sabiħa ta’ Andrei Rublev, li tirrappreżenta lit-Trinità Qaddisa fit-tlett anġli li żaru lil Abraham (ara Ġen 18:1-33), Alla l-Missier hu liebes mantell bi lwien irjali, id-deheb u l-aħmar b’dell aħdar, li jfissru l-ħajja.

Għalih il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna: Il-Missier li jista’ kollox li ħalaq is-sema u l-art (nru.14)… Ix-xewqa ta’ Alla hi mnaqqxa f’qalb il-bniedem, għax il-bniedem inħalaq minn Alla u għal Alla; Alla ma jieqaf qatt jiġbed il-bniedem lejh, u f’Alla biss il-bniedem isib il-verità u l-hena li qatt ma jieqaf ifittex (nru.27). Kemm Alla l-Missier fakkarni fil-kliem li ma jmut qatt li kiteb il-mibki Patri Feliċjan Bilocca OFM Cap fl-Innu iddedikat lit-Trinità Qaddisa:

Missier Alla setgħet mimlija/Huma s-sema u l-ħlejjaq tal-art,/Mix-xejn lilhom f’dagħdigħa ta’ mħabba/Inti ħlaqthom u b’ħiltek fawwart!

Għaddejna għat-tieni mewġa, Alla l-Iben. Fl-Isem tal-Iben li salvani! Alla l-Iben, hu s-Salvatur! Tgħidilna l-Kelma ta’ Alla fil-vanġelu ta’ San Luqa: Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej (Lq 2:11). Fl-Ewwel Ittra lil Timotju San Pawl ifakkarna: Din hija kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed (1 Tim 1:15). Dan l-Iben li qalilna hu stess: Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf (Lq 19:10). Għalhekk jgħidilna l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: Il-Verb sar bniedem biex isalvana u jħabbibna mill-ġdid ma’ Alla: “għax Alla ħabbna u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” (1 Ġw 4,10). “Il-Missier bagħat lil Ibnu, is-salvatur tad-dinja” (1 Ġw 4,14): “deher biex ineħħi d-dnubiet” (1 Ġw 3,5) (nru.457).

Jinfdu ‘l qalbi l-kliem ta’ Patri Feliċjan Bilocca OFM Cap dwar Alla l-Iben: Int Waħdani l-Imnissel minn Verġni,/Sabiex b’demmek stajt tifdi ‘il-bnedmin:/Ukoll Lilek tifħir inroddulek,/

Ma ħallejtx Inti lilna mjassrin. Anki Ġesù Kristu Sidna jridna nħarsu l-ħajja mit-tnissil sat-tmien naturali tagħha għax qalilna, iswed fuq l-abjad: Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja (Ġw 14:6).

Ġejna mbagħad għat-tielet mewġa tal-ħajja: Fl-Isem tal-Ispirtu s-Santu li jqaddisni! Tgħidilna l-Kelma ta’ Alla fit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lil Timotju: Għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan (2 Tim 1:7). Alla tana spirtu ta’ qawwa u mħabba li jiddefendi l-ħajja mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha. Tana spirtu li jrażżan darba għal dejjem il-qtil tal-abort ta’ persuni innoċenti u vulnerabbli. Tana spirtu li jrażżan il-biża tagħna milli nistqarru l-ħajja nħarsuha u li l-abort hu qtil fil-ġuf. Fl-ikona ta’ Rublev għandna t-tunika tal-Ispirtu s-Santu b’lewn aħdar ċar, il-lewn tal-Pentekoste. Għax l-Ispirtu s-Santu hu “Dak li jagħti l-Ħajja” u jittrażmetti u jibdel il-ħajjiet tagħna favur il-ħajja.

U jekk l-Ispirtu jrid li l-Knisja … tieħu n-nifs biż-żewġ pulmuni tagħha (Ut Unum Sint, 54), tal-Lvant u l-Punent, l-għaliex il-Parroċċa tal-Marsa Trinità, immexxija minna l-Patrijiet Kapuċċini, m’għandiex tkun santwarju ekumeniku tat-Trinità Qaddisa fl-arċidjoċeżi ta’ Malta? L-għaliex m’għandux ikollna fraternità magħmula minn Patrijiet Kapuċċini u monaci Ortodossi? Mhux hekk jgħallimna l-qaddis Kapuċċin San Leopoldu Mandic li ta ħajtu għall-għaqda bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi?

Meta noqgħod naħseb li dan it-tagħlim fejqani kollu ħareġ l-għaliex il-benefattriċi kbira tal-Knisja u l-kunvent tat-Trinità Qaddisa, Carmela Balbi, kienet tgħożż b’tant imħabba santa tat-Trinità Qaddisa li kellha mal-għuda tal-Kurċifiss f’kamritha, u hekk ħarġet Knisja majestuża u kunvent tassew sabiħ, kif nista jien ma nħallix l-Ispirtu s-Santu jgħanni fija u bija:  Tiskanta x’joħroġ minn santa?!

Patri Mario Attard OFM Cap