Il-Papa u l-mexxejja reliġjużi ser jitolbu għal-Libanu

Print Friendly, PDF & Email

Fl-1 ta’ Lulju, l-Papa u l-mexxejja reliġjużi ser jitolbu għal-Libanu

Il-Jum ta’ Talb u Riflessjoni għal-Libanu, msejjaħ mill-Papa biex jgħin terġa’ titqajjem it-tama u l-paċi f’pajjiż oppress minn snin ta’ kriżijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali, aktar u aktar wara l-isplużjoni vjolenti t’Awwissu 2020 fil-Port ta’ Beirut, u li farket il-belt, ser issir fl-1 ta’ Lulju.

Nhar il-Ġimgħa fl-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Kardinal Leonardo Sandri, prefett tal-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali, ppreżenta l-inizjattiva tal-1 ta’ Lulju, u qal li l-iskop tal-ġurnata huwa li “nimxu flimkien”. Huwa qal li l-komunità Nisranija tal-Libanu, rappreżentata mill-kapijiet tal-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali rispettivi, se tistaqsi lilha nnifisha, tirrifletti u titlob flimkien. Huma ser iġibu Ruma wkoll l-“għajta ta’ poplu, li ċertament jakkumpanjawhom fit-talb”.

Fl-1 ta’ Lulju, l-Papa u l-mexxejja reliġjużi ser jitolbu għal-Libanu

Il-Kardinal Sandri qal li din l-inizjattiva se tkun ta’ natura spiritwali u tingħalaq b’diskors mill-Papa li, qal, “ċertament ikun fih rakkomandazzjonijiet u appelli li joħorġu mid-diskussjonijiet tal-ġurnata, li jistgħu jkunu mportanti għall-futur tal-Libanu”.

L-Arċisqof Paul Richard Gallagher, is-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet mal-Istati spjega li l-ebda politiku mhu mistenni għall-okkażjoni minħabba l-proposta li tkun strettament “laqgħa reliġjuża tal-komunitajiet Insara” ġiet mil-Libanu, u li l-Papa aċċetta. L-Arċisqof Gallagher irrimarka li l-Papa Franġisku ripetutament esprima x-xewqa tiegħu li jżur il-Libanu iżda jixtieq jagħmel hekk meta l-pajjiż isib soluzzjoni għall-kriżi politika li, madankollu, “ma tidhirx fil-qrib”. Madankollu, l-laqgħa ġewwa li l-Vatikan tista’ tagħti kontribut għal dan il-proċess. F’dan il-punt, “huwa diffiċli” li wieħed jipprevedi vjaġġ mill-Papa lejn il-Libanu sal-aħħar tas-sena iżda huwa aktar probabbli fil-bidu tas-sena d-dieħla, huwa qal.

“Il-Mulej Alla għandu pjanijiet għall-paċi. Flimkien għal-Libanu,” huwa l-motto li jispikka fuq il-logo tal-avveniment tal-1 ta’ Lulju. Il-ġurnata tibda fit-8.30 ta’ filgħodu f’Santa Marta bil-Papa jilqa’ lill-mexxejja tal-komunitajiet Insara Libaniżi u l-membri tad-delegazzjonijiet tagħhom. Ikun segwit mument qasir ta’ talb fil-Bażilika ta’ San Pietru. Wara jsiru 3 laqgħat separati f’intervalli differenti, u l-ġurnata tagħlaq b’diskors mill-Papa Franġisku fis-6 ta’ filgħaxija.

Il-Papa kien ħabbar din l-ġurnata waqt it-talba tal-Anġelus tal-Ħadd 30 ta’ Mejju, u spjega li l-għan kien li “nitolbu flimkien għar-rigal tal-paċi u l-istabbiltà”. Huwa ħeġġeġ għal talb qabel il-laqgħa sabiex il-Libanu jkollu “futur aktar seren.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-06/lebanon-day-prayer-pope-francis-prayer-ecumenism-july1.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.