13 ta’ Awwissu SAN PONZJANU, PAPA, U SAN IPPOLlTU, SAĊERDOT, MARTRI
TIFKIRA
Ponzjanu sar Papa fis-sena 231; Ippolitu kien saċerdot Ruman. It-tnejn li huma ġew eżiljati f’Sardinja mill-imperatur Massiminu. Hemm ħalla minn Papa, u miet. Difnuh fiċ-ċimiteru ta’ Kallistu; imma lil Ippolitu difnuh fiċ-ċimiteru ta’ Triq Tiburtina. Il-Knisja ta’ Ruma bdiet tagħti ġieħ lil dawn iż-żewġ martri sa mill-bidu tas-seklu 4.
Fl-Uffiċċju tal-qari
LEZZJONI II
Qari mill-Ittri ta’ San Ċiprijanu, isqof u martri
(Epist.l0:2–3. 5)
Fidi li ma tintrebaħx
B’liema kliem se nfaħħarkom, ħuti qalbiena? B’liema kliem se nħabbar il-qlubija tagħkom u s-sħuħija tal-fidi tagħkom? Ġarrabtu moħqrija liema bħalha, moħqrija li wasslitkom għall-mewt ta’ ġieħ tassew kbir, għaliex mhux il-moħqrija rebħitkom imma intom irbaħtuha. Kienet il-kuruna tal-martirju li temmet tbatijietkom, mhux il-moħqrija. Il-kiefer li kien jaħqarkom kattar ħruxitu mhux biex idgħajjef il-qawwa tal-fidi tagħkom imma biex jibgħat bnedmin ta’ Alla b’aktar ħeffa għand il-Mulej.
Dawk kollha li f’kotra kbira kienu jaraw x’qed jiġri, kollha mistgħaġba, raw taqbida tas-sema għad-drittijiet ta’ Alla, raw il-ġlieda tar-ruħ għall-imħabba ta’ Kristu, raw il-qaddejja ta’ Alla jħabbru twemminhom bla biża’ ta’ xejn u jżommu sħiħ fil-fehma tagħhom, rawhom mimlijin bil-qawwa tas-sema għalkemm neqsin mill-armi ta’ din id-dinja, rawhom armati bis-sħiħ bl-armi tas-sema minħabba fi twemminhom. Ġarrbu l-moħqrija b’qawwa akbar minn dik ta’ min kien jaħqarhom; b’ġisimhom, imċarrat u msawwat kif kien, għelbu l-istrumenti li bihom sawwtulhom u ċarrtulhom ġisimhom.
Swat bla ħniena b’kefrija liema bħalha ma setax jegħleb il-qawwa qalbiena ta’ twemminhom, għalkemm fl-aħħar il-moħqrija ġarrbuha mhux f ’ġisimhom imma fl-istess feriti ta’ ġisimhom li sar pjaga waħda minħabba s-swat u t-turmenti. Ċarċru demmhom u bih tfew il-qilla tal-persekuzzjoni u bil-qawwa glorjuża tiegħu setgħu jtaffu n-nirien tal-infern. X’dehra tal-għaġeb, x’qawwa, x’kobor ta’ mġiba quddiem Alla wrew dawn il-qalbiena tiegħu bil-fedeltà u l-qima u l-imħabba tagħhom lejh! Fis-salmi, fejn 1-Ispirtu s-Santu jgħallimna u jwiddibna, insibu miktub: Għażiża f’għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. Għażiża tassew hi l-mewt ta’ dawk li b’demmhom jixtru l-ħajja ta’ dejjem, li jiksbu mingħand Alla l-kuruna tar-rebħ, li bil-martirju tagħhom jagħtu l-aqwa prova ta’ qlubija u qawwa.
Kemm ikun ferħan Kristu fost dawn il-qaddejja tiegħu! B’liema qalb jiġġieled u jirbaħ fihom! Iħarsilhom il-fidi tagħhom u, għax jemmnu fih, jagħtihom dik il-qawwa kollha li jemmnu li jista’ jkollhom. Jissieħeb magħhom fil-ġlieda għalih, jagħtihom il-qawwa biex iħabbru ismu u jitqabdu għall-ġieħ tiegħu, iwettaqhom u jqawwilhom qalbhom. U dak li f’darba rebaħ il-mewt għalina, dejjem jirbaħ fina.
Hienja tassew il-Knisja għaliex il-Mulej idawwalha b’dan il-ġieħ hekk kbir ta’ tjubitu, u fi żmienna stess iżejjinha bid-demm glorjuż tal-martri. Fl-imgħoddi l-
Knisja wriet il-ġmiel safi tagħha fl-għemejjel ta’ tjieba ta’ wliedha, issa qed tissebbaħ bid-demm glorjuż tal-martri tagħha. Ma jonqsuha qatt la l-ġilji u lanqas il-ward. Kull wieħed minn uliedha għalhekk għandu jħabrek biex jikseb kemm jista’ minn dan il-ġieħ kollu, ħa jkollu jew il-kuruna kollha bjuda tal-għemil it-tajjeb, jew il-kuruna tħammar tal-martirju.
RESPONSORJU
1.Magħqudin bejnietna, qegħdin nissieltu u nitqabdu għall-fidi tagħna taħt għajnejn Alla; sirna wirja għall-anġli tiegħu, u Kristu jħares lejna. * Kbir il-ġieħ u l-hena ta’ min jidħol f’din it-taqbida quddiem Alla, u jieħu l-kuruna tar-rebħ mingħand Kristu l-imħallef.
2.Naqbdu l-armi f’idejna u nitħejjew b’ħilitna kollha għall-gwerra mqaddsa, b’fehma safja, b’fidi sħiħa, u b’qalbna qawwija. * Kbir il-ġieħ u l-hena ta’ min jidħol f’din it-taqbida quddiem Alla u jieħu l-kuruna tar-rebħ mingħand Kristu l-imħallef.