€513,000 f’maratona b’risq id-Dar tal-Providenza

Print Friendly, PDF & Email

€512,870 inġabru waqt il-maratona televiżiva tal-Ħadd b’risq id-Dar tal-Providenza. Minħabba ċerti restrizzjonijiet li għadhom qed jiġu infurzati mill-awtoritajiet tas-saħħa minħabba l-COVID-19, il-programm sħiħ kien imtella’ fuq linji ta’ dak li sar fil-maratona tal-Festa ta’ Ġenerożità tal-Ewwel tas-Sena. Għal darb’oħra, biex jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti, ma sar xejn fil-parkeġġ li hemm fis-Siġġiewi kif kien isir is-soltu ħlief drive-through fejn dak li jkun seta’ jwassal id-donazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn joħroġ mill-karozza.

Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza rringrazzja lill-poplu Malti kollu għad dejjem emmen fid-Dar u f’dak kollu li tagħmel biex tara li r-residenti tagħha jkollhom l-aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli. Is-somma miġbura minn din il-maratona se tmur biex fost oħrajn ikun jista’ jitnieda proġett ta’ immodernizzar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni biex kull persuna jkollha ambjent dejjem aktar dinjituż bħal bi kmamar personali mgħammra bis-servizzi meħtieġa.

Il-parti importanti tal-ġbir tal-flus għad-Dar inklużi l-appelli, telefonati fostl-oħrajn saret fl-istudios ta’ WE f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl. M’hemmx għalfejn jingħad li kollox kien skont il-protokolli li huma  in vigore mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħall-ilbies ta’ maskri, id-distanza soċjali, użu ta’ diviżorji tal-perspex eċċ.

Filgħodu, Mons. Arċisqof Charles Jude Scicluna ċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar biex jitfakkar il-25 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u sħabu s-saċerdoti li erba’ minnhom: Dun Marco Portelli, Dun Charles Attard, Patri Mark Ciantar OFM u Patri Stephen Sciberras OFM kienu preżenti. Patri Alex Cauchi, kappillan Agostinjan ma setax jattendi minħabba ħidma pastorali.  Mons. Arċisqof fakkarhom f’dak li kien jgħid San Ġorġ Preca f’okkażjonijiet ta’ anniversarji: “Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla.”

Matul il-maratona f’waqtiet differenti kien hemm  fl-istudios il-President ta’ Malta, Dr George Vella u s-Sinjura Vella, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi u l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Dr Bernard Grech u s-Sinjura Grech. Attendew ukoll għadd ta’ ministri, segretarji parlamentari u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati u jieħdu d-donazzjonijiet.

Ix-xandira televiżiva bdiet f’nofsinhar u baqgħet  sejra sa nofsillejl meta tħabbret is-somma totali. TVM2, ONE TV, NET TV, Fliving u Smash TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ madwar tnax-il siegħa. Matul ix-xandira taw sehemhom għadd ta’ kantanti ewlenin Maltin li fis-snin l-imgħoddija rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest.

Min għadu jixtieq jagħmel donazzjoni għadu jista’ jagħmel dan billi jidħol fil-website www.sabihlitaghti.com fejn hemm id-dettalji kollha kif jistgħu jsiru donazzjonijiet.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply