Mary Martin (1913-1990) kienet stilla tal-films, bl-akbar suċċess tagħha kien fil-film mużikali South Pacific. Darba stqarret ma’ xi ġurnalisti:
Meta kont għadni l-iskola, kien hemm tifla li għamlitha l-missjoni tagħha biex tikxef id-difetti kollha tiegħi: kemm jien niexfa, injoranta fl-iskola, ngħajjat biex nitkellem, imnieħri mxammar, eċċ. Darba ma flaħtx aktar u mort irrabjata nibki għand missieri. Hu qagħad jismagħni bil-paċenzja kollha. Kif spiċċajt, saqsieni: “Dawn il-ħwejjeġ huma kollha vera?” Qbist jien u għidtlu: “X’għandu x’jaqsam jekk humiex vera jew le?” U hu qabadli idi u qalli: “Mary, qatt saqsejt lilek innifsek x’tip ta’ tifla int? Kif iħarsu lejk sħabek tal-klassi? S’issa għandek opinjoni ta’ waħda biss minnhom. Ara x’għandek tagħmel: poġġi bil-qiegħda u ikteb kulma qaltlek dik it-tifla. Ara liema minnhom huma vera u ara tistax tirranġa xi ħaġa fihom. L-oħrajn tagħtix kashom.”
Għamilt kif qalli u b’sorpriża kbira sibt li nofshom kienu vera. Minnu li kont niexfa imma fuq dan ma stajt nagħmel xejn. Fuq l-oħrajn sibt li nista’ nirranġa ħafna. Mort nuri l-lista lill-missieri, imma hu qalli: “ Dik il-lista għalik biss. Ħadd ħliefek mhu se jkun jaf il-verita’ dwarek innifsek, dment li tkun smajtha. Imma trid titgħallem tisma’, mhux tingħalaq fik innisfsek bir-rabja u bl-uġigħ. Meta tisma’ xi ħaġa dwarek li hi vera, int se tkun taf, għax tirbombja fil-fond ta’ qalbek.” “Imma ‘l dik it-tifla se nħalliha b’xejn wara li xandritni mal-iskola kollha?” ipprotestajt jien. Weġibni missieri li kien avukat u president tal-bord tal-iskola: “L-aħjar li ma tagħmel xejn u ma tgħid xejn. Jew tista’ turiha kemm apprezzajt is-suġġerimenti tagħha li għenuk biex issir bniedma aħjar. U tara kif ma ddejqetx aktar.”
Dal-parir ta’ missieri reġa’ għeni kemm-il darba f’ħajti, l-aktar meta tħajjart inkanta u nirreċta fuq il-palk. Wara ħafna provi fejn ma ġejtx aċċettata, darba ltqajt mad-direttur famuż Jerome Kern li qalli: “Mary, għax qed tipprova timita stilel oħra? Kun naturali, kun dak li vera int, u kanta u rreċta kif taf int.”
Dan ta bidu għas-suċċess tal-karriera tiegħi.
Minn Edward Tagliaferro