Liema quddiesa?

Print Friendly, PDF & Email

Rispons għall-Motu Proprio Traditionis custodes maħruġa mill-Papa Franġisku fis-16 ta’ Lulju 2021

Id-deċiżjoni tal-Papa ttieħdet wara konsultazzjoni mal-Isqfijiet fuq l-applikazzjoni tal-Motu Proprio Summorum Pontificum, maħruġa mill-Papa Benedittu XVI fl-2007.  L-għan ta’ dan il-Motu Proprio kien l-użu tal-quddiesa hekk insejħa Tridentina, skont il-Missal Ruman tas-sena 1962. 

Importanti wkoll li niftakru li meta l-Papa Benedittu, imqanqal mix-xewqa għall-għaqda, ħareġ il-Motu Proprio Summorum Pontificum huwa kien qed iwieġeb għal bżonn li kien qed jinħass – biex dawk li japprezzaw aktar il-quddiesa Tridentina iħossuhom aktar milqugħa, biex dawn in-nies, inklużi żgħażagħ, “jiskopru din il-forma liturġika, iħossuhom attirati lejha u jsibu fiha forma, partikolarment adattata għalihom, biex jiltaqgħu mal-misteru tal-Ewkaristija l-aktar qaddisa.”

Il-Motu Proprio Traditionis custodes, akkumpanjata minn Ittra li fiha l-Papa Franġisku fis-16 ta’ Lulju, 2021, jiddeskrivi r-raġunijiet wara dan il-pass, qanqlet diversi dibattiti.  Ir-rispons huwa varjat.  Biżżejjed insemmu l-opinjonijiet ta’ diversi kardinali u isqfijiet.  Uħud igħidu li numru ta’ fidili fil-komunitajiet tagħhom jitolbu u jsegwu l-quddiesa Tridentina, saħansitra koppji żgħażagħ bit-tfal.   Oħrajn jemmnu li din id-deċiżjoni tal-Papa Franġisku, imsejsa fuq diskussjoni mal-isqfijiet, hija t-triq ‘il quddiem.

Imma fuq kollox kellha tibqa’ dejjem l-għaqda.  Dan huwa l-punt kardinali wara d-deċiżjoni ta’ Benedittu XVI, kif ukoll dik tal-Papa Franġisku aktar riċentament.

Pero’ f’ċerti bnadi, dan wassal għall-ċerta firda fi ħdan il-Kattoliċi.  Importanti li nżommu f’moħħna r-rikkezza tad-diversi forom tal-liturġija fi ħdan il-Knisja Kattolika u napprezzawhom.  Infatti, diversi qassisin u kardinali jiddeskrivu uħud mill-esperjenzi ta’ dawk li jipparteċipaw fil-quddiesa Tridentina, fejn, permezz ta’ din il-quddiesa, jaslu għal parteċipazzjoni fil-misteru u s-sbuħija tal-liturġija tal-Ewkaristija. Huma wkoll mezz ta’ konnessjoni b’mod impressjonanti mal-passat “permezz ta’ kliem li kien ilu jingħad minn saċerdoti (u qaddisin) u mismugħ mill-fidili (għal darb’oħra, inklużi l-qaddisin) għal sekli sħaħ.”  Mill-banda l-oħra, uħud jistqarru li fil-parroċċi kien qed ikun hemm diversi firdiet minħabba riti differenti tal-quddiesa.  Il-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija, Sacrosanctum Concilium, tfakkarna li “s-servizzi liturġiċi … huma ċelebrazzjonijiet tal-Knisja, li hija s- “sagrament tal-għaqda”, jiġifieri, il-poplu qaddis magħqud u ordnat taħt l-isqfijiet tagħhom.”

 Il-problem tinqala’, kif għarfu l-Papa Franġisju u diversi isqfijiet minn bnadi tad-dinja differenti, meta d-differenza tqanqal firda, jew saħansitra meta l-quddiesa Tridentina titqies minn xi wħud bħala l-veru quddies jew ‘l fuq il-Konċilju Vatikan II.  Il-problema li xi wħud mill-kardinali jitkellmu dwarha, mir-realtà li ltaqgħu magħha, hija li riti diversi, fir-rikkezza tagħhom, jistgħu iwasslu għall-firda fost il-poplu ta’ Alla.

Irridu nżommu wkoll f’moħħna l-bżonnijiet tad-djoċesi li jvarjaw minn post għall ieħor.  Hu għalhekk li l-Papa Franġisku, f’eżerċizzju sinodali flimkien ma’ isqfijiet li qed isemmgħu id-diversi realtajiet li jeżistu fi ħdan id-djoċesi tagħhom, qed jisma’ u jiddixxerni l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu f’diversi bnadi fid-dinja. 

Minn Dr Dorienne Buttigieg

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: