Il-wegħda ta’ Jefte

Print Friendly, PDF & Email

Ikun tajjeb li fil-Quddies tal-lum issir spjega dwar l-ewwel qari, fejn Jefte jissagrifika lil bintu għax wiegħed lil Alla li jekk jirbaħ lill-għadu joffrilu bħala sagrifiċċju lill-ewwel persuna li tiġi biex tilqgħu. L-ewwel li ġiet kienet bintu.

Irridu nifhmu li f’dak iż-żmien ta’ xi elf sena qabel Kristu, il-poplu Lhudi kien waqa’ f’dekadenza kbira. Daħlu f’kultura ta’ popli pagani li kienu jissagrifikaw lil uliedhom lill-allat. Alla li l-Lhud kienu jemmnu fih ma riedx hekk, kif hemm iktar kmieni fil-Bibbja fejn Alla jgħid lil-Lhud biex ma jagħmlux bħal popli oħra li “saħansitra s-subjien tagħhom u l-bniet tagħhom kienu jaħarquhom fin-nar f’ġieħ allathom.” (Dewtoronomju 12, 31)

Il-mexxejja tal-poplu f’dik l-epoka, imsejħin “imħallfin”, bħal Jefte, Sansun u oħrajn, mhux ta’ min jimitahom ħlief għall-qlubija tagħhom. Fil-kas ta’ Jefte, kien kap ta’ avventurieri wara li tkeċċa mill-familja tiegħu. Meta kellu jagħżel bejn il-wegħda li għamel u t-tifla waħdanija tiegħu, għażel li mingħalih jimxi skont il-Liġi.

Inżommu f’moħħna li Alla mhux biss iħobb, imma Alla hu mħabba. U min hu midħla tal-morali jaf li ma tgħoddx wegħda li biha se ġġib tbatija lil ħaddieħor. 

Kitba ta’ Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.