Jum ta’ talb u sawm għall-Afganistan

Print Friendly, PDF & Email

Wara l-appell tal-Papa Franġisku, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed torganizza jum ta’ talb u sawm għal dawk kollha li qed ibatu minħabba l‑instabbiltà politika li jinsab fiha l‑poplu tal-Afganistan. Il‑Papa Franġisku stess appella għat‑talb u s‑sawm għall‑Afganistan, u għad‑djalogu u s‑solidarjetà li joffru tama għall‑futur ta’ dan il‑pajjiż.

Ara d-diskors tal-Papa fl-Angelus tad-29 ta’ Awwissu meta appella għat-talb u sawm għall-Afganistan …

Għalhekk, nhar il‑Ħamis li ġej, 16 ta’ Settembru, se jiġi organizzat dan il‑jum ta’ talb mill‑kappella tal‑Junior College, l‑Imsida, li se jixxandar online fuq Knisja.mt u li ser jinkludi l‑quddiesa ta’ kuljum mmexxija mill‑Arċisqof Charles Scicluna fid‑9:30am fuq TVM2. L‑Insara qed jiġu mħeġġa jingħaqdu fit‑talb personali u s‑sawm, u li jsegwu x‑xandira li se tkun animata minn gruppi ta’ żgħażagħ, mill‑istudenti fl-iskejjel u mill‑parroċċi u l-għaqdiet Insara. Dan il‑jum ta’ talb jibda fit‑8 ta’ filgħodu u jintemm fit‑8 ta’ filgħaxija.  

Dakinhar, il‑Millenium Chapel f’San Ġiljan se tkun miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jagħmlu mument ta’ adorazzjoni quddiem is‑Sagrament.

Caritas Malta ttenni l‑appell tagħha għall‑ġbir ta’ donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis tingħata l‑għajnuna tant meħtieġa lill‑persuni tal‑Afganistan u lil dawk tal‑Ħaiti li intlaqtu minn terremot qawwi.

Sors: www.knisja.mt

L-appell tal-Papa Franġisku nhar il-Ħadd 29 ta’ Awwissu 2021 wara t-talba tal-Angelus:

“Għeżieħ ħuti, Qed insegwi bi tħassib kbir is-sitwazzjoni fl-Afghanistan, u qed inħossni nsofri ma’ dawk li jibku lill-persuni li ntilfu fl-attakki suwiċidi li seħħew il-Ħamis li għadda, u ma dawk li qed ifittxu l-għajnuna u protezzjoni.  Nafda lill-mejtin fil-ħniena t’Alla li jista’ kollox u rrodd ħajr lil min hu impenajt biex jgħin lil dik il-popolazzjoni tant imġarrba, partikolarment in-nisa u t-tfal. 

Nitlob lil kulħadd biex ikompli jgħin lil min jinsab fil-bżonn u biex jitlob ħalli bid-djalogu u s-solidarjetà tinkiseb konvivenza paċifika u fraterna li jnisslu tama fil-ġejjieni tal-pajjiż.  F’mumenti storiċi bħal dawn ma nistgħux nibqgħu indifferenti, tgħallimna dan l-istorja tal-Knisja.  Sitwazzjoni bħal din hi impenn għalina l-insara.  Għaldaqstant nappella lil kulħadd biex iżid it-talb u jsum.  Talb u sawm, talb u penitenza.  Dan hu l-waqt tagħhom.  Qed nitkellem bis-serjetà: inżidu t-talb u nsumu filwaqt li nitolbu lil-Mulej itina l-faraġ u l-maħfra.”

Mil-Laikos …