Patri Piju u San Ġużepp

Print Friendly, PDF & Email

F’din is-sena iddedikata lil San Ġużepp ma xtaqtx inħalli barra wieħed mill-qaddisin ippreferiti ta’ ħafna, San Pio ta’ Pietrelcina. Teżiżti rabta tassew sabiħa u kbira bejn Patri Piju, il-Kapuċċin tal-Pjagi, u San Ġużepp.

Fil-ħajja qaddisa ta’ Patri Piju nsibu din l-istedina importanti li dan il-Kapuċċin sempliċi qed jagħmel lilek u lili dwar San Ġużepp: Ite ad Joseph! Jiġifieri, Morru għand Ġużeppi! U dan San Piju kien jissuġġerieh l-għaliex hu nnifsu kien jerħilha għand San Ġużepp! Fil-fatt, il-qaddis minn Pietrelcina kien dejjem jgħallem lill-ulied spiritwali tiegħu li d-devozzjoni lejn San Ġużepp hi tabilħaqq fundamentali għall-ħajja ta’ kull Nisrani. Mill-esperjenza tiegħu stess Patri Piju kien tgħallem kemm it-talb tal-Qaddis Patrijarka Ġużeppi kien bil-wisq qawwi fis-Sema. Lil bintu spiritwali, Cleonice Morcaldi, kien qalilha li kien jemmen li San Ġużepp jinsab fis-Sema bir-ruħ u bil-ġisem.

Patri Onorato Marcucci, li kien wieħed mill-assistenti ta’ Patri Piju fl-aħħar snin ta’ ħajtu hawn f’din id-dinja, jirrakkonta dan l-episodju. F’wieħed mill-iljieli ta’ qabel il-mewta tal-Patri, hu sab ruħu miegħu fil-veranda biswit il-kamra numru 1. Patri Onorat kien intasab hemm jistennieh biex jakkumpanjah fis-sagristija għall-funzjoni ta’ filgħaxija. Kien jum l-Erbgħa, il-jum iddedikat li San Ġużepp. Patri Piju iddeċieda li ma jiċċaqlaqx. Għajnejh kienu fissi lejn il-kwadru tal-glorjuż Patrijarka li kien imdendel fuq il-ħajt. Mill-qagħda tiegħu Patri Piju kien jidher qisu f’estażi. Wara li għadda ftit ħin mhux ħażin Patri Onorato għamel il-ħila u qallu: Patri, trid nissokta nistennik? Trid immorru? Qbiżna l-ħin? Iżda l-mistoqsijiet tiegħu baqgħu mingħajr tweġiba. Patri Piju issokta jikkontempla lill-glorjuż Patrijarka. Fl-aħħar, wara mistoqsija oħra minn Patri Onorato, li qabdu minn idu, Patri Piju għajjat: Ara! Ara! Kemm hu sabiħ San Ġużepp! Imbagħad irħewlha lejn is-sagristija. Fis-sala ta’ San Franġisk iltaqgħu mal-patri sagristan li qalilhom: L-għaliex intom daqshekk tard? U Patri Onorato wieġbu: Illum Patri Piju ma riedx jinqala’ minn mal-kwadru ta’ San Ġużepp.

Patri Piju dejjem kien jistieden lill-ulied spiritwali tiegħu li jkollhom devozzjoni sinċiera u profonda lejn San Ġużepp. Tant hu hekk li kien jesiġi li din id-devozzjoni tagħhom tkun mimlija tagħlim, konfort u grazzji. F’dan kollu wieħed bħal donnu qed jisma’ mill-ġdid leħnu: Ite ad Joseph! Morru għand Ġużeppi b’fiduċja kbira. L-għaliex anki jien, bħal Santa Tereża t’Avila, qatt ma niftakar li qatt tlabt xi ħaġa lil San Ġużepp mingħajr ma ksibtha minnufih.

Patri Piju minn Pietrelcina kien tabilħaqq devot kbir mhux ta’ Marija Santissma biss, li kien jonoraha kuljum bit-talba ta’ ħafna posti tar-Rużarju, imma wkoll ta’ San Ġużepp, ir-raġel kast tal-Verġni Marija u l-missier putattiv ta’ Ġesù.

Ha nagħtu issa deskrizzjoni dwar id-devozzjoni li dan il-qaddis Kapuċċin bil-pjagi kellu lejn il-qaddis Patrijarka. Patri Piju kien dejjem jammira l-kobor spiritwali ta’ San Ġużepp. Kien ifittex li jimita l-virtujiet tiegħu. Għandu kien imur f’mumenti mill-aktar iebsa f’ħajtu. U, kull darba, kien jaqla’ l-grazzji u kull għajnuna mis-sema. Hu, bħal San Ġużepp, anki jekk ma kienx hekk fl-ordni naturali, kien iħossu missier. Kemm kien jieħu bis-serjetà d-drittijiet u d-dmirijiet tal-paternità spiritwali tiegħu. Għalhekk b’fiduċja kien jitlob lil dan il-qaddis it-talb għal uliedu spiritwali subjien u bniet tiegħu.

Hekk kiteb San Piju: Nitlob lil San Ġużepp biex, b’dik l-imħabba u l-ġenerożità li bihom ħa ħsieb lil Ġesù, jieħu ħsieb lil ruħek u kif iddefendih minn Erodi bl-istess mod jiddefendi lil ruħek minn Erodi li hu aktar qalil: id-demonju! Ħa jkollu l-Patrijarka San Ġużepp għalik dik il-kura kollha li kellu għal Ġesù. Jgħinek dejjem bil-patroċinju tajjeb tiegħu u jeħilsek mill-persekuzzjoni krudila ta’ Erodi l-kburi, u ma jippermetti qatt li Ġesù jitbiegħed minn qalbek.

Fil-ħajja mistika tiegħu Patri Piju kellu għadd ta’ żjajjar minn San Ġużepp li kien jgħinu u jimlieh bil-kuraġġ. Fix-xhieda li nsibu tal-Qaddej t’Alla, ta’ Jannar tal-1912, Patri Piju kien stqarr hekk ma’ Patri Agostino da San Marco in Lamis: Barbablù (id-demonju) ma tax ruħu b’mirbuħ. Ħa kważi kważi l-forom kollha. Minn ħafna jiem ‘l hawn jiġi jżurni flimkien ma’ armati mgħammra bil-bsaten u sjuf tal-ħadid u dak li hu l-agħar taħt il-forom proprju tiegħu. Min jaf kemm-il darba xeħitni ‘l barra mis-sodda u kaxkarni mal-kamra. Paċenzja! Ġesù, il-Mammina, l-Anġlu, San Ġużepp u l-missier San Franġisk huma kważi dejjem miegħi.

Lill-istess Patri Agostino, nhar l-20 ta’ Marzu 1912, Patri Piju jiktiblu hekk: Ilbieraħ, il-festa ta’ San Ġużepp, il-Mulej biss jaf kemm ħassejt ħlewwiet kbar wara l-quddiesa. Tant li għadni nħosshom s’issa fija. Rasi u qalbi kienu qed jaħarquni. Imma kien nar li kien qed jagħmilli tajjeb.

Misjuq minn din l-imħabba lejn San Ġużepp, Patri Piju jgħidlek u jgħidli: Wara l-glorja itolbu: ‘San Ġużepp, itlob għalina! Patri Piju kien tant iħobb iħeġġeġ b’dan il-kliem fuq San Ġużepp: Itolbu lil San Ġużepp! Itolbu lil San Ġużepp biex tħossuh qrib tagħkom fil-ħajja u fl-aħħar agunija, flimkien ma’ Ġesù u Marija. U Patri Piju jagħtina parir ieħor: Għid: “San Ġużepp, ir-Raġel ta’ Marija, Missier putattiv ta’ Ġesù, itlob għalina. U qabel se titlob Patri Piju jfakkrek u jfakkarni: Qabel il-meditazzjoni, itlob lil Ġesù, lill-Madonna u lil San Ġużepp. U għal waqt it-talba tar-Rużarju mqaddes Patri Piju jgħidilna: Meta titlob ir-Rużarju, itlob: “San Ġużepp, itlob għalina!”

Kemm tagħlim u talb jgħallimna Patri Piju fuq San Ġużepp!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading