Il-bidla

Print Friendly, PDF & Email

Il-bidla! Min ma għaddiex minnha minn b’mod u min b’ieħor? Għax tabilħaqq, il-bidla hi parti mill-ħajja. U, anki jekk ma rridux, ikollna ngħaddu minnha! Għalhekk tajjeb li nħalluha tibdilna! Ħalli ma tkunx daqshekk bi kbira meta tiġi fuqna.

Interessanti wieħed josserva ftit id-dinamika tal-bidla. Le! Minix beħsiebni noqgħod infisser, pulzier b’pulzier, ta’ x’jiġri meta ngħaddu minn bidla. L-aspetti differenti li toffrilna l-bidla jgħaddi minnhom kulħadd. Għax kulħadd bniedem u persuna. Iżda hu sabiħ li naraw ftit aspetti fid-dinamika tal-bidla. Xejn xejn, dak li jkun, iwessa’ aktar il-kunċett tiegħu tal-bidla.

L-ewwel nett, għalkemm mhux kollox hu suġġett għall-bidla iżda xejn ma jista’ jinbidel jekk l-ewwel ma jkunx iffaċjat. Jgħidilna James Baldwin: Mhux dak kollu li hu affaċċjat jista’ jinbidel. Imma xejn ma jista’ jinbidel sakemm ma jiġix affaċċjat. It-tieni, meta ninfetħu għall-bidla inkunu parti mis-soluzzjoni. Tgħidilna Coretts Scott King: Mhux importanti kemm hi qawwija l-opinjoni tiegħi. Jekk ma tużax il-qawwa tiegħek għall-bidla pożittiva int, fil-fatt, parti mill-problema. Imbagħad, bidliet kbar juruna li qabilhom kien hemm il-konfużjoni. Deepak Chopra jgħid: Bidliet kbar kienu ippreċeduti mill-konfużjoni.

Ir-raba’, il-bidla tfisser li nbiddlu d-destin tagħna. Tgħid Zoraida Córdova: Aħna ilkoll nibżgħu u nkunu rridu naħarbu imma mhux dejjem hi l-qawwa li tgħinek toqgħod. Il-qawwa hi wkoll li tagħmel id-deċiżjoni li tibdel id-destin tiegħek. Il-ħames, il-bidla tgħinna nkunu bla sabar sakemm isseħħ. Claudia Flores tgħid: Aħna rridu nkunu bla sabar għall-bidla. Ejjew niftakru li leħinna hu don prezzjuż u aħna rridu nużawh. Is-sitta, il-bidla importanti l-għaliex inkella nispiċċaw ġol-ħajt. Lao Tzu jgħid: Jekk ma tibdilx id-direzzjoni tispiċċa ‘il fejn int sejjer. Is-seba’, il-bidla hi poema. Tgħidilna Adrienne Rich: Il-mument tal-bidla hi l-unika poeżija. It-tmienja, il-bidla qiegħdha hemm biex inħalluha tibdilna. Jgħidilna Alan Watts: L-uniku mod biex wieħed jagħmel sens mill-bidla hu li jogħdos fiha, jiċċaqlaq magħha u jissieħeb fiż-żifna.

Tafu li t-tibdiliet li l-aktar nibżgħu minnhom jaf fihom ikun hemm tabilħaqq is-salvazzjoni tagħna? Hekk tgħidilna Barbara Kingsolver: It-tibdiliet li nibżgħu l-aktar minnhom jistgħu jkollhom is-salvazzjoni tagħna. Id-disa’, jien nista’ nibdel ħajti. Ħadd ma jista’ jagħmel din il-biċċa xogħol għalija. Tgħidilna Carol Burnett: Hu jien biss li nista’ nibdel ħajti. Ħadd ma jista’ jagħmilha għalija. L-għaxra, l-ispeċi li jibqa’ ħaj hu dak li jikkollabora b’mod sħiħ mal-bidla. Jgħidilna Charles Darwin: Mhux l-aktar speċi b’saħħtu li jibqa’ ħaj, lanqas dak l-aktar intelliġenti iżda dak l-aktar li jirrispondi għall-bidla. Il-ħdax, hi l-bidla li ġġib il-veru progress. Jgħidilna George Bernard Shaw: Il-progress hu mpossibbli mingħajr il-bidla. U dawk li ma jistgħux jibdlu moħħhom ma jistgħu jibdlu xejn. It-tnax, il-bidla qiegħdha hemm biex toħroġna mill-biżgħat tagħna. It-tlettax, il-bidla hi dik li tiftaħna għall-infinit. Tgħidilna C. JoyBell C.: M’għandniex nibżgħu mill-bidla. Tista’ tħossok sigur ħafna fil-vaska li qiegħed fiha imma jekk qatt ma tipprova toħroġ ‘il barra minnha, qatt mhu ħa tkun taf li hemm l-oċejan, il-baħar.

It-tlettax, il-bidla, filwaqt li tnissel fina l-biża tagħtina l-kuraġġ li nissuktaw mixjietna lejha. Tgħidilna Erica Jong: Ilqajt il-biża bħala parti mill-ħajja – speċifikament il-biża tal-bidla… Bqajt miexja minkejja t-taħbit tal-qalb li qalli: erġa’ lura. L-erbatax, il-bidla hi l-qawwa tad-determinazzjoni li teħles l-ispirtu tagħna. Tgħidilna Helen Keller: Il-ħajja hi jew avventura kuraġġuża jew xejn minn dan. Li nżommu l-uċuħ tagħna lejn il-bidla u li nġibu ruħna bħala spirti liberi fil-preżenza tad-destin hi qawwa mhux megħluba.  Il-ħmistax, il-bidla, meta tibda’, ma tieqafx. Jgħidilna Henri Bergson: Li teżiżti hi li tinbidel, li tinbidel hi li timmatura, u li timmatura hi li tibqa’ toħloq lilek innifsek mingħajr waqfien. Is-sittax, il-bidla teħles mid-dubju. Lily Leung tgħidilna: Meta tkun fid-dubju għażel il-bidla. Is-sbatax, hawn min jirraġuna li l-bidla hi permanenti. Fil-fatt, il-filosfu Eraklitu jgħid: M’hemm l-ebda ħaġa permanenti għajr il-bidla. It-tmintax, biex l-affarijiet jimxu ‘l quddiem jinħtieġ li jinbidlu. Jgħid Georg C. Lichtenberg: Ma nistax ngħid jekk l-affarijiet hux se jsiru aħjar jekk ninbidlu. Dak li nista’ ngħid hu li għandhom jinbidlu jekk iridu jsiru aħjar.  

Id-dsatax, għalkemm ma nistax nibdel id-dinja biss il-bidla personali tiegħi tagħmel differenza kbira fid-dinja. Tgħidilna Santa Teresa ta’ Calcutta: Waħdi ma nistax nibdel lid-dinja imma nista’ nitfa’ ġebla fl-ilmijiet u biha noħloq ħafna rimi. L-għoxrin, il-bidla fid-dinja taf iseħħ b’tifel, b’għalliem, bi ktieb u b’pinna. Tgħidilna Malala Yousafzai: Tifel, għalliem, ktieb u pinna jistgħu jibdlu d-dinja. Il-wieħed u għoxrin, il-bidliet ifissru l-ħajja vera. Jgħidilna Leo Tolstoy: Il-ħajja vera hi mgħixha meta tibdiliet żgħar iseħħu. It-tnejn u għoxrin, il-bidla hi l-liġi tal-ħajja. Jgħidilna John F. Kennedy: Il-bidla hi l-liġi tal-ħajja. U dawk li jħarsu biss lejn il-passat u l-preżent huma ċerti li jitilfu l-futur.

It-tlieta u għoxrin, il-bidla mgħixha minn ftit nies għandha l-qawwa li tibdel lid-dinja. Tgħidilna Margaret Mead: Qatt tiddubita li grupp ċkejken ta’ ċittadini sensittivi u impenjati jista’ jibdel lid-dinja. Fil-fatt, hi l-unika ħaġa li dejjem għamlet. L-erba’ u għoxrin, il-bidla fl-attitudni tfisser il-bidla fil-futur. Tgħidilna Oprah Winfrey: L-akbar skoperta ta’ kull żmien hi li persuna tista’ tibdel l-futur tagħha billi sempliċiment tibdel l-attitudni tagħha. Il-ħamsa u għoxrin, il-bidla tfisser jew li ħaġa ma togħġobnix u rrid inbiddilha inkella jekk ma nistax inbiddilha ħa nbiddel l-attitudni tiegħi lejha. Tgħidilna Maya Angelou: Jekk xi ħaġa ma togħġbokx ibdilha. Jekk ma tistax tibdilha ibdel l-attitudni tiegħek.

Il-fatt li hawn mal-ħamsa u għoxrin kwotazzjoni ma rridx nagħti l-impressjoni li dawn se jgħidu kollox fuq il-bidla. Wara kollox, il-bidla hi xi ħaġa li rridu ngħaddu minnha. U hu meta ngħaddu minnha li tabilħaqq nistgħu inniżlu l-idejat tagħna tagħha f’din il-lista li qed tipprova tiddiskrivieha. B’hekk, bil-mod il-mod, żgur li tissokta issebbaħ din il-lista sabiħa ta’ idejat fuq il-bidla. Wara kollox, u kif jgħid il-qawl Malti, min ma jbiddilx iqammel!

Patri Mario Attard OFM Cap