Qari tat-Tnejn tal-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn

Qari I

Għal dejjem ngħarrsek miegħi.

Ħos 2, 16.17b-18.21-22

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa

Dan jgħid il-Mulej:

“Araw, jiena se niġbidha,

neħodha fid-deżert

u lil qalbha nkellem.

Hemmhekk hi twieġeb bħal fi żmien żgħożitha,

bħal fi żmien ħruġha minn art l-Eġittu.

U jiġri f’dak il-jum

– oraklu tal-Mulej –

li hi ssejjaħli: “Żewġi”;

lili ma ssejjaħlix “Sidi”, iżjed.

Għal dejjem ngħarrsek miegħi,

ngħarrsek miegħi fis-sewwa u l-ħaqq,

fl-imħabba u l-ħniena,

b’rabta fidila jiena ngħarrsek miegħi,

u int tagħraf lill-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 2-3.4-5.6-7.8-9

R/. (8a): Twajjeb u ħanin il-Mulej

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,

bla tarf il-kobor tiegħu. R/.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek,

u s-setgħa tiegħek ixandru.

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu. R/.

Il-qawwa tal-għemejjel tiegħek tal-biża’ jxandru;

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru,

jgħajtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek. R/.

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kulma għamel. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja u hija tgħix.

Mt 9, 18-26

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, resaq lejn Ġesù wieħed mill-kapijiet, inxteħet f’riġlejh u qallu: “Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix”. Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa, għax bejnha u bejn ruħha qalet: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq”. Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: “Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek”. U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet.

Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ; u qalilhom: “Warrbu, għax it-tifla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Iżda hu keċċa n-nies ’il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet. U din l-aħbar xterdet ma’ dak il-pajjiż kollu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu